Is-sħana tibgħat aktar nies l-Isptar Mater Dei

L-istaġun tas-sajf u s-sħana wasslu biex aktar nies jirrikkoru għas-servizzi tal-isptar Mater Dei b’mod partikolari tal-emerġenza.
Kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa spjegat ma’ Newsbook.com.mt li ma kienx hemm imwiet b’kawża tas-sħana.
Qalet li l-istaġun tas-sajf dejjem huwa meqjus bħala żmien li fih l-isptar jara aktar nies, anke minħabba l-għadd ta’ turisti li jiġu Malta.
Ix-xhur ta’ Lulju u ta’Awwissu raw aktar minn 10,000 pazjenti. Bejn it-12 ta’ Lulju u l-25 ta’ Lulju kien hemm 5,677 li daħlu l-Emerġenza u bejn il-25 ta’ Lulju u t-8 t’Awwissu daħlu 5,832.
Minkejja li daħħlu dawn in-nies kollha, il-kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa spjegat li mhux bilfors kienu kollha minħabba s-sħana. Spjegat ukol li l-etajiet tal-pazjenti kienu jvarjaw minn tfal sa anzjani.