Twissija minħabba temperaturi għoljin fis-sigħat li ġejjin

Is-sajf 2020 jidher li qabad ir-ritmu u kulma jmur iġib miegħu temperaturi għoljin.

Matul il-ġurnata tal-Ħamis it-temperatura hija ta’ 34°C u l-istess għall-Ġimgħa 3 ta’ Lulju. Skont l-Uffiċċju Meterjoloġiku ta’ Malta, it-temperatura se tkun qiegħda tinħass 36°C.

L-Uffiċċju Meterjoloġiku fi ħdan l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħareġ twissija dwar dawn it-temperaturi għoljin li qegħdin jolqtu l-Gżejjer Maltin.

Is-Sibt it-temperatura mistennija tonqos ftit għal 31°C iżda tinħass 33°C.

F’dawn il-jiem it-temp mistenni jkun xemxi, madankollu s-Sibt ir-riħ moderat għal ftit qawwi forza 4 għal 5 punent Majjistru.

Diversi paġni fuq Facebook spjegaw li t-temperaturi f’dawn il-jiem se jkunu qed jiżdiedu, però għal tmiem il-ġimgħa t-temperaturi jinżlu bil-Ħadd, it-Tnejn u t-Tlieta l-ogħla temperatura mistennija tkun 29°C.

Il-paġna ta’ Facebook, it-Temp Madwarna qalet li t-temperaturi massimi mistennija jkunu ftit aktar mill-medja meta kkumparat mal-istess xahar fis-snin li għaddew.

Huwa importanti li wiħed jieħu l-pretezzjoni meħtieġa jekk se jkun qiegħed fix-xemx.