Is-sħana fl-Ewropa tħajjar lin-nies joħorġu minkejja l-pandemija

REUTERS/Gonzalo Fuentes

Read in English.

 

It-temp sajfi madwar id-dinja qed iħajjar bosta persuni biex joħorġu minn djarhom hekk kif ċentri tal-pandemija minn New York sal-Italja u Spanja qed ineħħu bil-mod il-mod ir-restrizzjonijiet li żammew miljuni ta’ persuni maqfulin fi djarhom għal xhur sħaħ.

Hekk if it-temperaturi fin-naħa t’Isfel tal-Ewropa u fl-Istati Uniti reġgħu telgħu sew, bosta rħewla għall-bajjiet, ġonna u fit-toroq tal-bliet. Ħafna qed iżommu d-distanza u xi wħud qed jilbsu l-maskri. Madankollu, qed jisħnu wkoll l-irjus, hekk kif pajjiżi bħall-Ġermanja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti raw protesti minn dawk li qed jargumentaw li r-restrizzjonijiet tal-gvern qed idgħajfu l-libertajiet personali u jkissru l-ekonomiji.

Fil-Greċja, fejn aktar minn 500 bajja nfetħet għall-ewwel darba wara xhur, u fi tmiem il-ġimgħa fejn it-temperaturi laħqu l-34 grad celsius, bosta persuni qattgħu l-ġurnata ħdejn il-baħar. Il-Gvern ordna li l-arbli tal-umbrelel fil-bajjiet jridu jkunu 4 metri bogħod minn xulxin, hekk kif l-awtoritajiet pruvaw jilħqu bilanċ delikat bejn il-ħarsien tal-pubbliku u l-ixprunar tat-turiżmu li huwa fundamentali għall-ekonomija tal-pajjiż.

Fin-naħa l-oħra tad-dinja, f’Domino Park, fl-inħawi ta’ Brooklyn fi New York, ċrieki bojod kienu miżbugħa mal-art biex persuni li marru jixxemxu jew biex iqattgħu ftit tal-ħin hemmhekk, iżommu d-distanza minn xulxin. Hu stmat li madwar nofs il-persuni li kienu fil-park libsu xi ħaġa biex jgħattu parti minn wiċċhom hekk kif inġabru fi gruppi żgħar.

Fir-Rivjera Franċiża, il-parti kbira libsu l-maskri, iżda filwaqt li s-sajd, il-mixi fuq il-bajja u s-surfing kienu permessi, wieħed ma setax jibqa’ fuq il-bajja biex jixxemmex. 

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn