Is-sħab soċjali jressqu l-proposti għall-Baġit

DOI: Omar Camilleri

Illum issoktaw it-tħejjijiet għall-baġit li jmiss, bis-sħab soċjali u l-membri tal- Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) iressqu l-proposti tagħhom għas-sena li ġejja. Waqt din il-laqgħa, l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ħejja preżentazzjoni dwar il-qagħda ekonomika. Fil-preżentazzjoni tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna spjega li r-rata ta’ Malta b’rabta mal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol qabżet ir-rata medja tal-Unjoni Ewropea fl-2018.

Fl-introduzzjoni tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Aaron Farrugia qal li dan huwa t-tielet baġit f’din il-leġiżlatura u l-prinċipji li elenka fl-2017 baqgħu l-istess.

Is-Segretarju Parlamentari tenna l-bżonn li s-sħab soċjali jħarsu lejn pjan fit-tul li jfisser lejn Malta tal-2030 u jqabblu tali pjan mal-viżjoni tal-Gvern għall-futur ta’ Malta.

B’referenza għat-taħdidiet dwar il-qafas finanzjarju Ewropew, is-Segretarju Parlamentari qal li parti mis-suċċess ekonomiku huwa grazzi ukoll għall-fondi ewropej, u għalhekk fix-xhur li ġejjin qal li se jkompli jħares l-interessi nazzjonali fin-negozjati li se jaffettwaw il-baġits bejn l-2021-2027.

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej Edward Zammit Lewis appella lill-membri tal-MCESD biex iħarsu lil hinn mill-industriji rispettivi tagħhom biex b’hekk isostnu d-dixxiplina finanzjarja u l-bilanċ ekonomiku u soċjali.