Is-sewwieq perikoluż tat-trakk jintbagħat il-ħabs

Ir-raġel li f’Diċembru li għadda kien instab ħati li saq bl-addoċċ bi trakk tal-ġebel, weħel 16-il xahar ħabs talli reġa’ nqabad isuq mutur żgħir meta sippost ma kellu jsuq imkien.
Fil-Qorti nstema’ kif Mario Camilleri kellu jmur u jiffirma l-Għassa ta’ Ħal Qormi, fost affarijiet oħra, minħabba każ ieħor ta’ sewqan traskurat li seħħ f’Diċembru.
Dakinhar, filmati tar-raġel isuq ħażin bi trakk tal-ġebel kienu ċċirkulaw fil-mezzi soċjali, u fost l-oħrajn kien anki akkużat li laqat vettura u baqa’ sejjer, u aggredixxa sewwieq ieħor.
Did-darba l-Maġistrat Gabriella Vella semgħet kif ir-raġel reġa’ ġie arrestat ix-xahar li għadda, għax mar jiffirma l-għassa b’mutur żgħir, u għalhekk kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu.
Il-mutur la kellu liċenzja u l-anqas kien assigurat, u l-plakka tan-numru kienet imbgħabsa biex toqgħod eżatt fil-mutur.
L-avukat ta’ Camilleri qal li l-akkużat kien weġġa’ siequ u inkwieta li ma jlaħħaqx jasal fil-ħin biex jiffirma, u għalhekk uża l-mutur.
Barra l-ħabs, il-Qorti kkonfiskat lir-raġel l-€20,000 li Camilleri kien ħallas biex jingħata l-ħelsien mill-arrest għall-każ l-ieħor, u estendiet l-azzjonijiet li kienu ttieħdu fih. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sergio Pisani.