Is-sewwieq li tajjar u qatel lill-Ġermaniż jingħata l-libertà proviżorja

Is-sewwieq li nhar it-Tnejn li għadda tajjar u qatel Ġermaniż f’Tas-Sliema, ingħata l-libertà proviżorja.
Ir-raġel ta 36 sena miż-Żurrieq  qed ikun akkużat li b’mod involontarju tajjar lil Rainer Mader, il-Ġermaniż ta’ 42 sena li kien fuq btala f’Malta.
Fil-Qorti ngħad li l-akkużat ibati minn kundizzjoni li għal ftit sekondi ġġiegħlu jara dalma.
Kien għalhekk li dakinhar tal-inċident, ħabat ma’ karozza fi Triq Bisazza u mbagħad tajjar lit-turist u reġa’ ħabat ma’ vann ieħor fi Triq it-Torri.
Apparti l-akkuża ta’ qtil mhux volontarju, ir-raġel qed ikun akkużat b’sewqan perikoluż, li għamel ħsara żewġ karozzi kif ukoll li ma waqafx minnufih meta tajjar lill-Ġermaniż.
L-avukat tiegħu qal li l-akkużat ma kienx qed isuq taħt l-influwenza tad-droga iżda t-Tlieta 6 ta’ Jannar żdiditlu d-doża ta’ mediċini minħabba l-kundizzjoni li jbati minnha.
Il-Maġistrat Marseann Farrugia ddeċidiet li l-akkużat joħroġ bil- libertà proviżorja b’garanzija personali ta’ €20,000.