Is-settur tal-kostruzzjoni mhux se jiġi mrażżan – Abela

Miguela Xuereb

Il-PM Robert Abela qal li s-settur tal-kostruzzjoni mhux se jiġi mrażżan.

Abela qal dan waqt laqgħa li kellu mal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA).

Qal li l-industrija tal-kostruzzjoni hija mutur ewlieni tal-ekonomija. Spjega li l-industrija hija b’saħħitha però ammetta li s-sitwazzjoni politika ftit tal-ġimgħat ilu kellha impatt fuqha.

Fi kliem Abela, il-governanza tajba taffettwa lis-suq b’mod pożittiv. Qal li qatt ma fehem lil min jirraġuna li biex l-ekonomija tissaħħah trid tillaxka l-governanza.

Skont Abela diġà ngħataw l-ewwel sinjali biex titranġa r-reputazzjoni ta’ Malta. Żied jgħid li dan il-proċess ma jsirx f’ġimgħa. Qal ukoll li jrid ikun hemm “bilanċ”.

Lil Abela “nafuh sew” – MDA

Min-naħa tiegħu l-President tal-MDA Sandro Chetcuti qal li ż-żjara ta’ Abela ftit wara l-ħatra tiegħu hija sinjal ċar tal-importanza li l-Gvern jagħti lill-industrija tal-kostruzzjoni.

Chetucti qal li l-MDA hi sodisfatta li se taħdem ma’ Abela għax tafu sew. Abela, li huwa avukat, kien fassal l-istatut tal-MDA.

Chetcuti mbagħad iffoka fuq żewġ punti – ir-reputazzjoni ta’ Malta u bidla fis-sistema politika.

“Naħseb li ma nkunx qed nissorprendik billi ngħid li l-MDA hija inkwetata, partikolarment fejn tidħol ir-reputazzjoni ta’ Malta,” qal Chetcuti. Spjega li s-sitwazzjoni politika tul l-aħħar xhur telfet ir-ritmu tal-pajjiż u tas-settur tiegħu li jħaddem mal-43,000 ruħ.

Skont Sandro Chetcuti, l-industrija tal-iżvilupp tiddependi ħafna mir-reputazzjoni ta’ Malta. Osservaw suq inqas kunfidenti u l-iżviluppaturi qed jinkwetaw minħabba l-mod “kif il-banek mhux qed jgħinu”.

Chetcuti qal ukoll li hemm bżonn bidla fis-sistema politika. Qal li l-parlament għandu jkun wieħed professjonali u full-time. L-MDA trid ukoll li jinqatgħu d-donazzjonijiet għall-partiti li għandhom ikollhom finanzjament pubbliku.

“Il-membri tagħna xebgħu jiġu assoċjati, ħafna drabi inġustament, ma’ donazzjonijiet lill-politiċi u l-partiti u huma vittmi ta’ sistema ħażina u li tista’ twassal għal ħafna suspetti bla bżonn,” saħaq Chetcuti.