“Is-settur tal-kostruzzjoni mhux se jgawdi minn impunità” – il-PM

L-ebda industrija m'hija ikbar minn Alla, mis-saħħa u l-ħajja tan-nies - Ministru Farrugia Portelli

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li jekk fil-passat is-settur tal-kostruzzjoni kien igawdi minn impunità, illum mhux se jibqa’ hekk. 

Hu qal dan hu u jwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti kmieni dalgħodu. Huwa qal li se jara li jidħlu fl-eżerċizzju tar-regolamenti biex jaraw jekk humhiex suffiċjenti biex jiżguraw li dak li ġara lbieraħ ma’ jerġax jiġri.

Għall-ħabta tas-2.15pm ilbieraħ, il-Pulizija ġiet ifurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq Antonio Miruzzi. Il-Pulizija talbet l-assistenza immedjata tal-Membri tal-Protezzjoni Ċivili u timijiet mediċi mid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei. Intalbet ukoll l-assistenza ta’ Transport Malta sabiex jinżamm kontroll tat-traffiku. Il-vittma kellha 54 sena u kienet omm ta’ żewġ ulied. It-tfittxija damet għaddejja iżjed minn tmien sigħat. Żewġha deher fuq il-post jingħata s-sabar minn xi qraba. Ir-residenti l-oħra ġew evakwati.

Abela qal lill-ġurnalisti li f’dan il-mument hemm erba’ persuni arrestati, il-perit, l-STO u żewġ ħaddiema li kienu qed jaħdmu fuq dan is-sit. Filwaqt li qal li jrid joqgħod attent li ma jippreġudikax il-każ, madanakollu esprima li hu ddispjaċut bħal bqija tal-poplu Malti kollu u qal li se jidħol fil-kwistjoni biex jara r-regolamenti jipprovdux qafas suffiċċjenti jew le. Il-Prim Ministru qal li hawn sitwazzjoni serja fil-pajjiż. 

Huwa qal li se jkun qed jara li l-pulizija jagħmlu xogħlhom mingħajr ma jħarsu lejn wiċċ ħadd.  Huwa appella lill-pulizija biex tittieħed azzjoni konkreta kontra min kien responabbli b’mod immedjat. 

Dwar il-post li għamel il-Ministru Ian Borg fuq Facebook u jekk kienx insensittiv, il-Prim Ministru qal li dik l-opinjoni tiegħu filwaqt li hu esprima s-solidarjetà u bħal kumplament tal-Maltin iħossu mweġġa’. 

Huwa reġa’ esprima s-solidarjetà mal-familji tagħhom u jemmen li ma’ għandhomx jiġru kif ġraw l-affarjiet, fejn persuna mietet inturtament. 

L-ebda industrija m’hija ikbar minn Alla, mis-saħħa u l-ħajja tan-nies

Sadanittant f’kummenti li tat qabel il-laqgħa tal-Kabinet dalgħodu, il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li l-ebda industrija m’hija ikbar minn Alla, mis-saħħa u l-ħajja tan-nies. Min-naħa tiegħu il-Ministru Roderick Galdes esprima s-sogħba u qal li trid tittieħed azzjoni dwar kif jaħdem is-settur tal-kostruzzjoni u jorganizza ruħu.

Min-naħa tiegħu il-Ministru Deo Debattista qal li jittama li jittieħdu azzjonijiet drastiċi. Il-Ministru Aaron Farrugia qal li l-azzjonijiet iridu jittieħdu u bħala deputat, Ministru u Malti l-azzjonijiet jittieħdu u jitwettqu. Il-Ministru Jose Herrera tkellem dwar il-ħtieġa ta’ enforcement ikbar tar-regolamenti li hemm.