‘Is-settur finanzjarju f’Malta baqa’ wieħed stabbli’ – Bank Ċentrali ta’ Malta

Is-settur finanzjarju f’Malta matul l-2012 baqa’ wieħed stabbli, b’saħħtu u li kompla jwassal għal tkabbir ekonomiku.

Dan joħroġ mill-ħames edizzjoni tar-Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja li jiġi ppublikat mill-Bank Ċentrali ta’ Malta u li għandu l-għan li jidentifika xi riskji jew punti dgħajfa f’dan is-settur. Dan ir-rapport ikopri l-aktar is-settur li joperaw fih il-banek lokali li għandhom sehem importanti fl-ekonomija Maltija. Jikkunsidra l-isfidi u r-reżiljenza tal-istess banek u jsemmi l-isfidi esterni għal dawn il-banek, flimkien mal-karatteristiċi fraġli tas-swieq finanzjarji.

Bħas-snin ta’ qabel, is-self fuq il-propjetà baqgħet l-aktar attività li ġġenerat dħul minn fuq is-self li żdied bi kważi 7 fil-mija fuq is-sena ta’ qabel. Ir-rapport tal-Bank Ċentrali ta’ Malta ikompli jgħid li matul is-sena l-oħra, il-banek lokali baqgħu fuq bażi kapitali soda.

Fl-istess waqt il-banek ġew imħeġġa biex ikompli isegwu mill-qrib il-kotba tas-self tagħhom, biex iżidu l-proviżjonijiet, u sabiex jagħmlu analiżi dettaljata qabel ma jagħtu self lill-konsumaturi tagħhom.