Is-sesswalità sabiħa! Ejjew ngħixuha!

Ma għandi xejn kontra t-teknoloġija. Kważi kważi ngħid li allaħares ma kenitx hi! Imma bħala psikologu ma nistax ma nirriflettix dwar ir-relazzjoni qawwija li hemm bejn l-esperjenzi li niltaqa’ magħhom fil-klinika ta’ kuljum u dak li hemm fuq l-internet.

Illum kull tip ta’ informazzjoni, stampi, videos, studji eċċ. huma aċċessibbli kull ħin, aktar u aktar issa li l-internet jiġri magħna kull fejn inkunu!

Imġiba sesswali riskjuża

Dan iġagħalni naħseb għaliex il-preadolexxenti u l-adolexxenti huma aktar nies “tal-mument” u jridu jakkwistaw kollox ta’ malajr. Imma meta jkunu mħajra mill-midja u mħeġġa mis-suq teknoloġiku, u fl-isfond ta’ nuqqas ta’ tagħlim sesswali, hemm ċans akbar li dawn l-adolexxenti u żgħażagħ jidħlu f’ċirku ta’ mġiba sesswali riskjuża u bla limiti. Is-sexting, il-pornografija, is-solleċitazzjoni online u t-tfittxijiet sesswali prematuri huma affarijiet li ħafna ġenituri ma jafux bihom jew ma jobsrux li wliedhom jistgħu jkunu esposti għalihom. L-adolexxenti huma spiss ippreżentati bi stampa u idea tas-sesswalità bbażata esklużivament fuq l-eċċitament, il-gost u l-pjaċir. Dawn huma tliet aspetti sbieħ fihom infushom,saħansitra parti mix-xogħol tas-sesswologu għax dan ikun iffukat biex jgħin lil dak li jkun joħloq orgażmu u pjaċir sesswali sabiħ u itwal.

Għalhekk, meta s-sesswalità ssir biss pjaċir, inkunu qegħdin intellfulha mis-sbuħija sħiħa tagħha. Din l-influwenza mid-dinja online tista’ twassal biex dak li jkun jaddotta attitudnijiet, imġiba u stil ta’ ħajja li jistgħu jkunu ta’ ħsara għas-saħħa fiżika u psikoloġika tagħhom – b’konsegwenzi fit-tul.

Ħassewhom “maħmuġa”

Dan jistqarruh l-aktar it-tfajliet jew in-nisa, li jgħidu li wara l-esperjenzi sesswali riskjużi li kellhom, ħassewhom “maħmuġa”, “użati” u saħansitra jħossu li rmew il-verġinità tagħhom. Ovvjament, wieħed ma jistax iwaħħal biss fit-teknoloġija li ħolqot dan il-materjal u kummerċ sesswali li jiġġenera l-biljuni. Li hu żgur hu li kienet it-teknoloġija li għamlet dan il-materjal disponibbli u bla limitu, u għamlitha diffiċli immens għall-ġenituri li jkollhom kontroll assolut fuq dak li wliedhom qed ikunu esposti għalih.

B’hekk, l-isfida tagħna lkoll (adulti, edukaturi, għalliema, ġenituri, politikanti u oħrajn li jaħdmu f’oqsma relatati) hija li nieqfu u nisimgħu x’għandhom x’jgħidulna t-tfal u ż-żgħażagħ. Dan jgħinha nibnu relazzjoni tajba magħhom u b’hekk noħolqu ambjent sigur biex iħossuhom komdi li jiftħu qalbhom mingħajr ma jħossuhom mhedda jew iġġudikati. 

Din ir-relazzjoni nistgħu noħolquha billi nqattgħu aktar ħin magħhom – naturalment ħin ta’ kwalità, li jfisser ħin fejn huma jkunu ċ-ċentru tal-attenzjoni tagħna.

It-tagħlim sesswali għandu jibda fil-familja

Fuq nota aktar ġenerali, importanti wkoll li jinħolqu programmi ta’ tagħlim għall-familja. It-tagħlim sesswali għandu jibda u jilħaq il-qofol tiegħu fil-familja u mhux l-iskola. L-iskola għandha biss tikkumplimenta u tippromovi dan it-tagħlim bħala xi ħaġa essenzjali fil-ħajja tagħna u mhux bħala riskju jew tabù. Hekk it-tfal u l-adolexxenti jkunu wkoll iżjed konxji tal-materjal li  jiltaqgħu miegħu fuq l-internet. Hekk ukoll tonqos il-kurżità u ċ-ċans li l-informazzjoni tgħaddi b’mod ħażin. 

Skont stħarriġ li sar fl-2000 minn P.S. Karofsky, il-maġġoranza tat-tfal jippreferu li s-sesswalità jitgħallmuha mill-familja u mhux mill-iskola.

Għalhekk importanti ħafna li qabel kollox noħolqu għarfien sesswali fid-djar tagħna u nħeġġu iżjed lill-ġenituri jibnu relazzjoni ta’ affezzjoni u djalogu ma’ wliedhom biex hekk imbagħad id-diskors fuq is-sesswalità u s-sess jiġi naturali mhux b’ħafna mistħija. 

Il-ġenituri għandhom ikunu huma l-edukaturi sesswali tat-tfal tagħhom. Hekk innaqqsu l-istigma u t-tabù fuq dan is-suġġett. Hekk ukoll inrawmu  fiż-żgħar tagħna użu għaqli tal-mezzi teknoloġiċi. Is-sesswalità hija sabiħa! Ejjew ngħixuha!

Dr Nicholas Briffa huwa psikologu u sesswologu.

Tista’ tara l-verżjoni diġitali ta’ FLIMKIEN billi tagħfashawn.

Flimkien Ottubru 2020 cover