Is-servizzi tat-taxxa kollha taħt saqaf wieħed fil-Furjana

Il-Hub Tekniku tat-Taxxa fil-Furjana ġie nwagurat it-Tnejn mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna u s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar.

L-għan ta’ dan il-hub huwa li kull min ikollu bżonn jikkjarifika xi ħaġa dwar it-taxxa jista’ jmur u jinqeda b’mod komdu u effiċjenti. Dan il-Hub mistenni jibda jiffunzjona f’Lulju li ġej.

Il-Ministru qal li dan il-Hub Tekniku huwa ”pass ieħor għal riforma li biha qed tiżdied l-effiċjenza fis-settur pubbliku.“

Apparti dan il-Hub fil-jiem li ġejjin se jiġi introdott kunċett ġdid fejn Uffiċjal tat-Taxxa se jkun qed jiltaqa’ man-nies permezz ta’ appuntament fiċ-Ċenrti Reġjonali ta’ Servizz.Gov.

Kumpaniji privati jistgħu jgawdu mill-proċedura ta’ offsetting

Waqt konferenza stampa oħra, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, ħabbar li se tiġi introdotta proċedura ġdida tal-offsetting.

Huwa spjega li din il-proċedura se tkun qed tagħti l-opprtunità lis-settur privat li jaħdem mal-Gvern biex tiżdied il-likwidità tal-kumpaniji filwaqt li jkompli jiżdied l-effiċjenza fl-operat tas-settur pubbliku. Din il-proċedura se tidħol fis-seħħ fuq bażi volontarja u kull min ikun jixtieq japplika jista’ jidħol fil-websajt tal-Ministeru tal-Finanzi.

Din il-proċedura se tidħol fis-seħħ mill-10 ta’ Mejju 2019.