Is-servizzi tal-passaporti tal-istranġiera issa offruti f’Ħal Far

Mil-lum, is-servizzi relatati mal-Passaporti tal-Istranġiera se jiġu offruti fl-uffiċċju ta’ Identity Malta f’Ħal Far, u mhux f’Dar l-Emigrant fil-Belt Valletta.

Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat, li spjega li l-applikanti se jibbenefikaw minn servizz simplifikat li se jfisser inqas ħin sabiex jinħareġ Passaport ta’ Stranġier.

Benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u oħrajn li għandhom status ta’ protezzjoni umanitarja nazzjonali, inkluż dawk li għandhom Specific Residence Authorisation, se jkunu jistgħu japplikaw direttament huma mal-Uffiċċju tal-Espatrijati f’Ħal Far, u mhux iktar ma’ Dar l-Emigrant.

L-applikanti għandhom jinqdew f’darba meta jmorru biex jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom u jittiħdulhom id-dettalji. B’hekk, il-Passaport ta’ Stranġier mistenni jieħu erbat ijiem tax-xogħol biss biex jinħareġ.

Matul is-sena li għaddiet, inħarġu ‘l fuq minn 2,288 passport, waqt li f’Jannar ta’ din is-sena, inħarġu mal-175 passaport.