L-ewwel u l-aħħar fl-Ewropa

Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea e-Government Benchmark Report 2017 juri kif is-servizzi onlajn li joffri l-Gvern Malti huma fost l-aqwa fl-Unjoni Ewropea. L-istess rapport juri lill-Malta fl-aħħar post fl-aċċessibilità u t-trasparenza tal-informazzjoni 
Ir-rapport jikklassifika dan f'erba' oqsma tal-ħajja: in-negozju, il-familja, ix-xogħol u l-istudju.
Dwar Malta, ir-rapport jgħid li għalkemm fl-ewwel tliet oqsma Malta sejra tajjeb, jidher li s-servizzi dwar l-istudju ġew "abbandunati" u għalhekk tat rata ta' inqas minn 50%.
Il-Kummissjoni ssejjaħ il-każ ta' Malta bħala wieħed "impressjonanti" minħabba li fejn tidħol id-diġitalizzazzjoni Malta ġiet l-ewwel.
Fost dawn is-servizzi hemm l-aċċessibiltà u d-disponibbiltà teknika onlajn.
Fi stqarrija, il-Gvern fakkar li fl-aħħar snin saru bidliet fis-servizzi li joffri l-Gvern onlajn, li ġabu dar-riżultat, fosthom li mas-servizzi onlajn twaqqfu one-stop shops sabiex dawk il-persuni li jkunu jridu kuntatt personali jew li ma jużawx l-internet, ikunu jistgħu xorta waħda jinqdew minn post wieħed.
Hemm madwar 800 servizz onlajn tal-Gvern, fosthom l-e-forms, li jnaqqsu l-burokrazija u jissimplifikaw il-proċess li jkun, ngħidu aħna fejn qabel kien ikollok bżonn 22 formola għal servizz, bl-e-form teħles b’formola waħda.