Is-servizz tal-lifeguards f’Marsalforn minn għada

Wara l-għajnuna medika li taw il-lifeguards f’dawn l-aħħar jiem f’diversi bajjiet f’Malta u Għawdex inħass ukoll il-bżonn li s-servizz tal-lifeguards jidħol fis-seħħ fil-bajja ta’ Marsalforn f’Għawdex.

Il-Ministeru għall-Għawdex ħabbar li minn għada s-Sibt sal-Ħadd 22 ta’ Settembru, bil-għan li tiżdied is-sigurtà fil-bajjiet t’Għawdex, se jibda’ jkun hemm is-servizz tal-lifeguards fil-bajja ta’ Marsalforn ukoll.

Is-servizz tal-lifeguards se jkun operat bejn il-11:00 ta’ filgħodu u s-7:00 ta’ filgħaxija.

Fi stqarrija, ntqal li fil-jiem li ġejjin, il-Ministeru għall-Għawdex se jwaħħal numru ta’ arbli bil-għan li jkun hemm il-bnadar li jagħtu indikazzjoni għall-bajjiet li jkunu tajba u mhux perikolużi għall-għawm.