Is-servizz tal-Arriva mistenni jitjieb – aktar xufiera u aktar karozzi

Il-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi dalgħodu ħabbar li l-iskemi ta’ parkeġġ jistgħu jitneħħew minħabba li mhumiex is-soluzzjoni adegwata għall-ammont kbir ta’ traffiku f’uħud mil-lokalitajiet u anke minħabba li kien hemm Kunsilli Lokali li abbużaw mis-sistema ta’ parkeġġ residenzjali.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Mizzi tkellem dwar il-pavimentar il-ġdid li sar fi Triq Melita fil-Belt li sewa lil gvern €100,000 aktar milli stmat minħabba nuqqas ta’ immaniġġjar tajjeb tax-xogħol.

Il-Ministru għadda wkoll kummenti dwar is-servizz tal-Arriva u qal li s-servizz li qed jingħata bħalissa mhuwiex aċċettabbli.  Dan qal li jista’ jikkonfermah hu stess wara li rikeb għall-għarrieda xi karozzi.

Fix-xhur li ġejjin il-kumpanija mistennija timpjega aktar xufiera u ġġib aktar karozzi biex jaħdmu fuq ir-rotot il-ġodda li se jiġu ffinalizzati sal-aħħar ta’ Novembru li ġej.