Is-servizz tal-ambulanzi issa b’inqas skossi

Il-UĦM – Voice of the Workers qalet li l-azzjonijiet industrijali li ordnat fil-garaxx tal-ambulanzi ġew sospiżi wara laqgħa li minnha ħareġ li se tkun qed tiġi riveduta s-sistema ta’ kif il-ħaddiema tal-garaxx japplikaw għal-leave tagħhom.

Dan wara li t-Tnejn li għadda l-istess unjin għamlet mossa ta’ solidarjetà billi ordnat direttiva wara li ħaddiem speċifiku talab biex iħassar ġurnata leave fil-ħin stipulat mir-regoli tal-istess garaxx iżda ġie rrifjutat milli jagħmel dan.

Id-direttiva ordnat lill-membri tal-UĦM sabiex ma joħorġux bl-ambulanza sakemm ma jkunx hemm infermiera magħhom. Il-kelliem għall-UĦM spjega li filwaqt li hemm vjaġġi li jirrikjedu li l-infermiera jkunu preżenti, hemm vjaġġi oħrajn bħal dak tat-tip “blue code” li s-soltu ma jkollhomx il-bżonn ta’ infermiera preżenti.

B’reazzjoni għal din id-direttiva, il-General Workers’ Union (GWU) fi stqarrija sostniet li tinsab imħassba li inħoloq diżgwid industrijali fuq dak li sostnew huma huwa każ ineżistenti li kkawża problemi għall-ħaddiema kollha u l-pazjenti li jużaw is-servizz. Intant il-GWU ġibdet l-attenzjoni lill-amministrazzjoni tal-garaxx tal-ambulanzi li kwalunkwe bidliet fil-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema jridu jkunu diskussi magħha. Kelliem għall-GWU qal ma’ Newsbook.com.mt li jekk isiru arranġamenti fuq kundizzjonijiet tal-ħaddiema, il-UĦM ma tistax tieħu deċiżjonijiet waħedha iżda jrid ikun hemm il-GWU involuta minħabba li l-membri tagħha jammontaw għal 50% +1 tal-ħaddiema tal-garaxx.

Dwar dan l-ispunt, Newsbook.com.mt tkellem mal-UĦM li spjegat li d-direttiva ma kinitx intenzjonata li twassal għal tibdil fil-policy iżda tibdiliet żgħar f’sistema ħażina li qed tintuża mill-ħaddiema biex biha japplikaw għal-leave. Il-kelliem għall-UĦM sostna li hu qatt ma jagħti kas jekk il-ħaddiem li ġie għandu għall-għajnuna hux minn unjin jew oħra, qal li f’dan il-każ ra problema u l-iskop tiegħu kien li tinstab soluzzjoni.