Is-servizz tad-dawl lura għan-normal wara emerġenza

Wara li dalgħodu bosta nħawi madwar Malta spiċċaw mingħajr dawl, speċifikament 32% tan-netwerk, l-Enemalta ħabbret li f-12:35pm is-servizzi kollha kienu lura għan-normal.
Fil-11:25am kien hemm diffikulta teknika fl-interconnector bejn Malta u l-Italja, fl-istazzjon terminali f’Ragusa.
Fi stqarrija, l-Enemalta spjegat li mmedjatament bdiet il-proċeduri tal-emerġenza sabiex tiġi stabilizzata n-netwerk, sabiex jitnaqqas ir-riskju li jiġu affetwati s-sistemi kollha jew li jsiru ħsarat fin-netwerk.
L-Enemalta spjegat li wara 17-il minuta bdiet terġa’ tissuplixxi d-dawl lill-għadd ta’ klijenti wara li nxtegħlu units fil-Power Station f’Delimara, u l-maġġoranza taż-żoni kellhom id-dawl sa wara 45 minuta.
Sostnew li bdew investigazzjoni interna, b’kollaborazzjoni mal-operatur Taljan tan-netwerk, Terna, sabiex jiġu identifikati l-miżuri neċessarji sabiex jitnaqqas ir-riskju li jinqata’ d-dawl f’sitwazzjonijiet simili.