It-telf mis-serq tal-elettriku naqas bi 33%

Il-korporazzjoni EneMalta qalet li matul is-sena li għaddiet, it-telf mis-serq tal-elettriku naqas bi 33%.
Jirriżulta li l-EneMalta wettqet aktar minn 800 spezzjoni li fihom identifikat u waqqfet aktar minn 500 każ ta’ serq ta’ elettriku.
Fi stqarrija, l-EneMalta ikkundannat l-attakk li sofrew ħaddiema tagħha u pulizija nhar il-Ġimgħa li għadda waqt ħidma biex titwaqqaf irregolarità fil-provista tal-elettriku.
Il-każ seħħ meta allegatament sid il-ħanut u missieru ippruvaw iwaqqfu lill-ħaddiema u l-pulizija milli jagħmlu xogħolhom.
Il-qorti m’aċċettatx it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-missier u l-iben.
L-EneMalta qalet li minkejja dan l-attentat vjolenti biex l-ispezzjoni ma ssirx, l-irregolaritajiet suspettati ġew konfermati xorta waħda.
Qalet li d-dettalji ta’ dan il-każ ta’ serq ta’ elettriku għaddew għand il-Pulizija għal aktar stħarriġ.
Filwaqt li kkundanna l-vjolenza, il-Kap Eżekuttiv tal-EneMalta qal li s-serq tal-elettriku diġa huwa reat serju u aktar minn hekk m’għandux ikun aċċettat li jipprova jinħeba dan l-abbuż bl-użu tal-vjolenza.
F’Settembru, il-Gvern żied il-pieni għal dawk li jinqabdu jisirqu l-elettriku, bil-multi żdiedu minn 10% għal 200% tal-prezz tal-elettriku misruq.