Aġġornata: “Il-Qorti ma daħlitx fil-mertu” – Gvern; “Serq ikkonfermat” – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-familji qed jinsterqu bil-kontijiet tad-dawl u l-ilma għoljin u aktar spissi kien “ikkonfermat” fil-Qorti wara s-seduta tal-bieraħ f’kawża miftuħa kontra l-kumpanija li taħdem il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, ARMS Ltd. F’reazzjoni l-Gvern qal li l-mod kif jinħadmu r-rati kien iddaħħal fl-2010 minn Gvern Nazzjonalista u ma nbidilx. Il-Gvern qal li fl-2014 kien hemm roħs ta’ 25% fir-rati tal-elettriku. Kompla jgħid li hemm eżerċizzju għaddej li kważi konkluż mill-ARMS dwar kif jistgħu jiġu rranġati xi anomaliji iżda saħaq li din mhix kwistjoni tan-nies qegħdin jinsterqu.

Is-serq mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma kien ikkonfermat fil-qorti – PN

Fi stqarrija l-Partit rreaġixxa għal dak li ħareġ fil-Qorti, f’kawża li hemm għaddejja kontra l-kumpanija li taħdem il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma, l-ARMS. Żewġ persuni qed jallegaw li l-mod kif qed jinħadem il-kont tagħhom kien wieħed ħażin. Il-Partit saħaq li l-Qorti kkonfermat hekk kif ma laqatx l-argumenti preliminari tal-kumpanija.

AQRA: “Kontijiet qed jinħadmu ħażin”; il-Qorti tiċħad it-talba tal-ARMS

Il-PN minn naħa tiegħu qal li mill-mijiet ta’ kontijiet tad-dawl u l-ilma li l-familji kienu ġabu d-Dar Ċentrali rriżulta li mat-80% kienu qed iħallsu ferm aktar għad-dawl u l-ilma li jikkunsmaw u akkuża lill-ARMS li qed tisraq lin-nies bil-mod kif kienu qed jinħarġu l-kontijiet.

F’Novembru li għadda l-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi qal li fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern kien se jindirizza anomaliji fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma waqt dibattitu fil-Parlament.

AQRA: Il-Gvern se jindirizza l-anomaliji fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma

Il-Ministeru għall-Enerġija sostna li l-Amministrazzjoni mmexxiha mill-PL kif ukoll dik ta’ qabel mmexxiha mill-PN użaw l-istess interpretazzjoni tal-avviż legali dwar ir-rati. Il-Gvern saħaq li d-deċiżjoni tal-Qorti kienet waħda preliminari u għalhekk ma daħlitx fil-mertu tal-metodu kif jinħadmu l-kontijiet.