Is-serq aggravat l-aktar reat li wassal nies il-ħabs fl-2019

Fl-2019, 126 persuna daħlu l-ħabs minħabba serq aggravat. Dan kien l-aktar reat komuni fost id-19-il persuna li daħlu l-ħabs kull ġimgħa s-sena li għaddiet.

Dawn iċ-ċifri ngħataw fil-Parlament mill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri għall-mistoqsija tad-Deputat Parlamentari Mario Galea.

Wara s-serq aggravat, l-aktar reati komuni kienu dawn:

  • 120 persuna kellhom dokumenti foloz
  • 95 persuna kisru l-ordni pubblika
  • 44 persuna ma ħallsux multa
  • 33 persuna nstabu fil-pussess tad-droga u jittraffikawha
  • 32 persuna għamlu ħsara f’xi propjetà
  • 30 persuna kienu fil-pussess tad-droga bil-ħsieb li jipprovduha lil ħaddieħor
  • 27 persuna kienu kompliċi fit-traffikar tad-droga
  • 24 persuna ħarbu minn post ta’ detenzjoni
  • 21 persuna nstabu ħatja ta’ theddid b’rabta ma’ vjolenza domestika
  • 21 persuna kisru l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest
  • 21 persuna weġġgħu lil ħaddieħor b’mod gravi

Apparti hekk, kien hemm ħames persuni li ddaħħlu l-ħabs minħabba qtil volontarju, 13-il persuna minħabba stupru u ħames persuni li kienu jmexxu burdell, fost reati oħrajn.

31 persuna b’kollox daħlu l-ħabs minħabba reati differenti marbutin ma’ vjolenza domestika.