Is-serp tal-Eden idaħħal lill-Kummissarju għall-Edukazzjoni fl-inkwiet

Il-Konfederazzjoni Maltija għall-Organizzazzjonijiet tan-Nisa qed titlob lill-Ombudsman biex ineħħi lil Charles Caruana Carabez minn Kummissarju għall-Edukazzjoni.
Fi stqarrija, il-Konfederazzjoni qalet li l-artiklu tiegħu “The Foibles of Women”  fuq it-Times of Malta u li fih ta interpretazzjoni personali tal-ġrajja ta’ Adam u Eva, juri biċ-ċar li hu ppreġudikat kontra n-nisa.
Il-Konfederazzjoni qalet li l-Kummissarju għall-Edukazzjoni, b’dak li kiteb, mhux qed jikkunsidra li n-nisa huma daqs l-irġiel f’kollox u li għandhom ħafna difetti.
L-istqarrija tiddeskrivi dak li kiteb Caruana Carabez bħala sessist u tisħaq li persuna li tħares lejn in-nisa minn sterjotip ma jistax jindirizza każijiet b’mod ekwu u oġġettiv.
Fl-artiklu, li fih jitkellem dwar ir-rabta bejn in-nisa u l-mediċina tal-ħxejjex, huwa jiċħad li huwa sessist iżda fl-istess nifs jisħaq li n-nisa għandhom nuqqasijiet u li għandu kull dritt jitkellem fuq id-differenzi tagħhom anke jekk jgħid li għandu jkollhom l-istess drittijiet li jgawdu l-irġiel.
Il-Kummissarju jirreferi għar-rakkont ta’ Adam u Eva u qal li s-serp qatt ma seta’ jidħaq bil-mara u jwiegħda li jekk tiekol mis-siġra se jkollha l-għerf universali. Fi kliemu l-ebda mara ma kienet se taqa’ għal din it-tentazzjoni għax “in-nisa jaħsbu li jafu kollox.”Jgħid li kieku s-serp wiegħed is-sbuħija, kien idaħħal lil mara fil-but. Fi kliemu jaħseb li kien Adam li waqa’ u l-Ġenesi jikteb li kienet il-mara biex ir-raġel jibqa’ minn fuq.
Wara dan il-kumment, il-Konfederazzjoni saħqet li ġaladarba l-irwjol ta’ Kummissarju fi ħdan l-uffiċċju tal-Ombudsman jiddependi fuq il-kunfidenza u l-fiduċja taċ-ċittadini, u għandu jippromovi l-valuri tar-rispett, il-pożizzjoni ta’ Caruana Carabez ma għadhiex tenibbli.
Il-Konfederazzjoni Maltija għall-Organizzazzjonijiet tan-Nisa tiġbor fiha 12-il organizzazzjoni u 24,000 membru.