Is-serata finali tal-Malta Eurovision Song Contest

Malta u Għawdex illejla jsegwu u jiddiskutu dak li jiġri fis-serata finali tal-Malta Eurovision Song Contest.  Minn erbatax-il kanzunetta, tard illejla nsiru nafu min se jirrapreżentana f'Mejju li ġej fi Vjenna.
Newsbook.com.mt segwa l-provi kollha mis-sala u minn backstage u tkellem mal-kantanti kollha. Dan huwa pass pass dak li se naraw fis-serata ta' llejla.
Is-serata ta' llejla tiftaħ bil-kantanta rebbieħa tal-Eurovision Song Contest 2014 Conchita Wurst. Conchita se tkanta Rise like a Phoenix. Ta' min jgħid li aktar tard nerġgħu naraw lil Conchita tinterpreta kanzunetta oħra.
Il-preżentaturi Daniel u Lyona, l-istess tnejn li rajna fis-serata tas-semi-finali, jintroduċu l-ewwel tliet kanzunetti.
Jiftaħ is-serata Glen Vella bil-kanzunetta Breakaway. Titkellem dwar modi kif wieħed jikser ir-rutina u jipprova jagħmel affarijiet differenti.  Apparti ż-żeffiena lil Glen se narawh mill-ġdid akkumpanjat bir-rota enormi li fiha żeffien jiżfen u jdur għal minuta u nofs fuq il-palk.  Fl-aħħar Glen jispiċċa jakkumpanja liż-żeffien f'nofs iċ-ċirku.
It-tieni kanzunetta li se naraw illejla hija 12 Baker Street. Titkanta minn Karen DeBattista li f'Marzu li għadda rebħet il-Festival l-Għanja tal-Poplu bil-kanzunetta Jien ma naħdimx. Karen dakinhar serqet ħafna qlub ta' Maltin u Għawdxin. Illejla Karen titkellem dwar imħabba misterjuża li tiżvolġi f' Baker Street ta' Londra. Karen se tkun akkumpanjata minn diversi mużiċisti fosthom żewġ kitarristi u klarinettista.  Kanzunetta li minkejja li l-kompożitur tagħha hu Portuġiż għandha ħoss Malti u Mediterranju. 
It-tielet kanzunetta hija Once in a While ta' Domenic. Prova jidħol għall-Festival sittax-il darba u din l-ewwel darba li rnexxielu. Domenic se jkun akkumpanjat minn bosta mużiċisti u minn sfond viżiv li jkanġi bejn isfar u oranġjo. F'idejh mikrofonu partikolari, imwaħħal ma' stikka bi fjuri u ornamenti oħra.
Wara Domenic waqfa ta' reklami. Imbagħad tissoka s-serata bi tliet kanzunetti oħra.
Il-grupp Trilogy jissokta bil-kanzunetta Chasing a Dream. Għaxar snin wara li fit-Turkija Ludwig ħa sehem flimkien ma' Julie b' On Again Off Again, illejla flimkien ma' Roger u ma' Eleanor Ludwig qed jipprova jerġa' jaqta' l-biljett għall-Awstrija. Kanzunetta li għandha stil li nafu lil Trilogy bih. L-idea ta' din il-kanzunetta ħarġet meta Ludwig u Roger iltaqgħu u Roger offra l-opportunita' lil Ludwig li jingħaqad magħhom. Ludwig jammetti li qatt ma kien jgħid li jerġa' jidħol jikkompeti fil-Malta Eurovision, pero' għax l-istil ta' Trilogy hu differenti, aċċetta l-istedina b'ferħa u llejla se narawhom it-tlieta flimkien.
Wara Trilogy naraw lil Chris Grech bi Closed Doors. Kanzunetta li nktibet bejn il-ħbieb. Il-kantant rajnih f'edizzjonijiet passati tal-Festival u bl-istil differenti tiegħu fil-passat seraq l-attenzjoni u l-ammirazzjoni ta' niċċa ta' nies li jħobbu l-istil ta' Grech u l-vuċi ħarxa u partikolari tiegħu. 
Is-sitt kanzunetta jtuhielna l-Ekklesia Sister. Is-sitt sorijiet Ursolini li llejla mhux se jkunu weħidhom fis-sala. Fost l-udjenza hemm ukoll it-tfal li huma jieħdu ħsieb u li dwarhom titkellem il-kanzunetta Love and Let Go. Is-sorijiet jistqarru li din il-kanzunetta mhix waħda li titkellem biss dwar ulied bla ġenituri. Fil-fehma tas-sorijiet din il-kanzunetta twassal appell għall-ġenituri kollha li xi darba lil dawk fir-responsabbilita' tagħhom iridu jtuhom l-ispazju u jħalluhom jaqbdu it-triq tagħhom.
Wara s-sorijiet naraw lil Jessika bil-kanzunetta li titkellem dwar żifna tango għal tlieta. Il-kanzunetta jisimha Fandango. Fiha se naraw lil Jessika b'libsa sewda b' element dehbi.  Magħha erba' żeffiena. Iż-żifna ta' Jessika tinkludi element ta' sorpriża. Naraw per eżempju liż-żeffiena joħorġu minn taħt id-drapp li naraw fil-bidu tal-kanzunetta.
Wara Jessika, naraw lil Deborah C bil-kanzunetta b'messaġġ pożittiv li jisimha It's ok. Partikolari ħafna żewġ versi fil-kanzunetta. Deborah tgħid li wieħed m'għandux għalfejn jaqta' qalbu jekk fil-ħajja mhux dejjem l-affarijiet imorru kif jippjana. Il-parir ewlieni tal-kanzunetta hu li wieħed iħares lejn il-ħajja mil-lenti tat-tfal u b'ottimiżmu jibqa' għaddej minkejja l-ostakli kollha. Ma' Deborah żewġ kitarristi.
Id-disa' kanzunetta tas-serata hija Warrior kantata minn Amber.  Diġa' kienet fil-Eurovision Song Contest meta f'Baku akkumpanjat lil Kurt Calleja bħala backing vocalist. Lil Amber illejla se narawh b'kanzunetta qawwija ħafna, b'vuċi li tilħaq noti għoljin u b'mossi u movimenti li jakkumpanjaw il-kanzunetta. Il-ħsieb li Amber tixtieq twassal bil-kanzunetta huwa wieħed: Minkejja d-diffikultajiet fil-ħajja kun ġellied u ħares 'il quddiem.
Mument ieħor ta' reklami u ngħaddu għat-tliet kanzunetti li jmiss.
L-għaxar kanzunetta hi kanzunetta mill-Aħwa. Gianluca donnu jixtieq jaqsam ma' ħutu l-esperjenza pożittiva li kellu b'Tomorrow sentejn ilu.  Illejla naraw lit-tabib u lil ħamsa mis-sitt ħutu jwasslulna Beautiful to me. Kanzunetta li lil ħafna fakkrithom fil-familja tas-Sound of Music. Naraw lil Gianluca f'nofs ħutu, erba' tfajliet u ġuvni. Il-ġuvni Paul, se jakkumpanja lil ħutu l-oħra bil-kitarra.
Il-ħdax-il kanzunetta hija dik ta' Franklin Still Here. Ma' Franklin bħala kompożitur u awtur qed naraw lil Alex Rybak li fl-2009 rebaħ il-Eurovision Song Contest b' Fairytale.   Alex Rybak mhux se jidher ma' Franklin waqt il-kanzunetta. Rybak jgħid li ddeċieda hekk għax xtaq iħalli l-attenzjoni fuq Franklin u li n-nies iqisu lilu bħal kull kompożitur ieħor bħall-oħrajn kollha li qed jikkompetu fil-konkors.
It-tnax-il kanzunetta hija Rush ta' Christabelle Borg. Ma' Christabelle erba' żeffiena. Kanzunetta li titkellem dwar kemm il-ħajja tista tkun mgħaġġla u dwar l-emozzjoni li wieħed iħoss meta tinbet imħabba ġdida.
It-tlettax-il kanzunetta hija The one that you love. Se naraw lil Lawrence Gray idoqq il-pjanu u jwasslilna din il-kanzunetta. Kantant li nafuh b'kanzunetti li bihom spikka f'edizzjonjiet passati tal-Festival. Fost dawn Why Not u The right time.
Jagħlaq il-festival illejla Daniel Testa  bil-kanzunetta Something in the Way. Fiha se naraw lil Testa li s-sena l-oħra kiseb it-tielet post tal-Festival. Miegħu din is-sena naraw lil dawk li qed jiġu deskritti bħala l-mużiċisti żeffiena tal-Festival.
Jiftaħ imbagħad it-televoting.  Is-sehem tal-poplu Malti jsarraf daqs ġurat mis-sitta li jiddeterminaw ir-riżultat.
Wara li naraw l-erbatax-il kanzunetta imbagħad fost l-oħrajn tirritorna l-kantanta Conchita Wurst li se tkanta kanzunetta ġdida fjamanta li ħarġet ftit sigħat ilu bl-isem ta' Heros.
Newsbook.com.mt jaġġornakom dwar ir-riżultat finali tas-serata.