Aġġornata: “Is-sena d-dieħla problema f’suġġetti oħra” – il-President tal-MUT

Read in English.

Il-President tal-Unjin Maltija għall-Għalliema (MUT) Marco Bonnici qal li l-problema ta’ nuqqas ta’ għalliema tal-Malti u tal-Matematika se tippersisti s-sena dieħla fil-Matematika, l-Ingliż, Xjenza u tal-ICT.

Bonnici qal dan fil-programm Follow-Up li xxandar ilbieraħ fuq RTK fejn spjega li minn Settembru li ġej, jekk l-għalliema impjegati kollha jibqgħu jagħtu s-servizz tagħhom, il-problema tal-għalliema tal-Malti tiġi solvuta għax ma jibqgħux b’25 lezzjoni. Semma wkoll li fis-snin li ġejjin se jkun hemm ukoll nuqqas ta’ għalliema għas-suġġetti tal-Ingliż, tax-Xjenza u tal-ICT.

Dwar is-sitwazzjoni tal-ażamijiet li se jsiru mill-ġimgħa d-dieħla fl-iskejjel tal-Istat, Marco Bonnici qal li l-MUT m’għandha l-ebda responsabbiltà għal dak li jista’ jinqala fl-eżamijiet tal-Malti u tal-Matematika, inkluż fuq x’tip ta’ livell se jkunu dawn l-eżamijiet.

“L-għalliema m’humiex f’pożizzjoni li jagħmlu l-karti tal-eżamijiet”

Spjega li l-membri tal-MUT qalulhom li jekk l-unjin tirtira d-direttiva, huma xorta m’humiex f’pożizzjoni li jippreparaw għall-karti tal-eżamijiet li wieħed minnhom huwa ppjanat għal ġimgħa d-dieħla.

Għall-aħħar jiem, l-unjins tal-għalliema u l-Ministeru għall-Edukazzjoni kienu għaddejjin b’għadd ta’ laqgħat, wara li l-MUT iddeċidiet li toħroġ direttiva biex l-għalliema la joħorġu u lanqas jikkoreġu l-karti tal-eżami tal-Malti u l-Matematika.

AQRA: “L-eżamijiet tal-Malti u l-Matematika se jsiru” – Il-Ministeru

Spjega kif ilbieraħ, il-Gvern offra li dawk l-għalliema li għandhom il-piż massimu ta’ 25 lezzjoni, jingħataw kumpens ta’ darba ta’ €3,000 kull wieħed bil-patt u l-kundizzjoni li jaqgħu d-direttivi. Qal li l-għalliema fi ħdan l-MUT vvotaw kontra din il-proposta.

“Għaddew mill-interview imma ma ġewx impjegati”

Kien hemm lista sħiħa ta’ 26 għalliema tal-Malti li għaddew mill-interview u l-Gvern ma bagħatx għalihom. Qal li l-Gvern għamel attentat iddisprat lejn il-bidu tas-sena skolastika biex jipprova jimpjegahom iżda Bonnici qal li minn dawn aċċettaw anqas minn 5. Spjega li dan ifisser li l-għalliema jew fittxew impjieg fi skejjel tal-Knisja jew indipendenti jew abbandunaw il-professjoni u fittxew xogħol f’industriji oħra. Bonnici saħaq li dan il-każ tal-aħħar huwa dnub għax l-għalliema qed ikomplu jonqsu.

 “Inkwiet li l-għalliema qed jitilqu”

Saħaq li huwa jinkwieta meta jara għalliema li jitilqu mis-settur edukattiv minħabba li jkunu “overloaded” biex xogħol. Kien hawn li semma li l-industrija tal-gaming attirat għadd ta’ għalliema li ħallew l-impjieg tagħhom biex imorru jaħdmu f’dawn il-kumpaniji. Qal li d-diskussjoni mal-Gvern kienet iffukata biex f’Settembru li ġej ikun hemm biżżejjed għalliema fl-iskejjel.

Tista’ tisma’ l-programm hawnhekk.

L-Akkademja tal-Malti ddispjaċuta li l-kwistjoni ma ġietx riżolta

L-Akkademja tal-Malti wriet id-dispjaċir tagħha li l-kwistjoni bejn l-għalliema tal-Malti u l- Ministeru għall-Edukazzjoni ma ngħalqitx, bir-riżultat li l-istudenti tas-sekondarja tal- iskejjel statali mhux se jkunu eżaminati fil-Malti.

L-Akkademja qalet li temmen fix-xogħol imprezzabbli li jagħmlu l-għalliema tal-Malti u tħeġġeġ lill-awtoritajiet biex isibu soluzzjonijiet malajr kemm jista’ jkun biex affarijiet bħal dawn ma jerġgħux iseħħu.