Is-sena akkademika tal-UM se tibda fid-19 ta’ Ottubru – sorsi

Read in English.

Is-sena akkademika tal-UM se tibda fid-19 ta’ Ottubru, skont sorsi qrib l-Università.

Sorsi ta’ Newsbook.com.mt qalu li din id-data tapplika għall-dawk li jkunu deħlin fl-ewwel sena tal-Università u tal-Junior College. Tapplika wkoll għal dawk l-istudenti li se jimxu minn sena għall-oħra.

Jidher li d-data tal-ftuħ tas-sena akkademika tmexxiet lura biex l-eżaminaturi tal-MATSEC ikollhom aktar ħin biex jikkoreġu l-karti tal-eżamijiet.

Skont is-sit tal-Università ta’ Malta l-istudenti tal-ewwel sena kienu mistennija jidħlu fl-1 ta’ Ottubru.

Fl-aħħar ta’ Marzu l-Gvern ħa d-deċiżjoni biex jagħlaq l-iskejjel kollha sa Ġunju minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Għalkemm l-istudenti mhux qed jattendu lectures b’mod fiżiku, dawn qed ikomplu bil-lezzjonijiet tagħhom online.

Hemm għadd ta’ studenti wkoll li qed jgħinu fil-ġlieda nazzjonali kontra l-coronavirus.