Is-sena 2020 se tkun it-tieni l-aktar sena sħuna qatt irreġistrata

sunset weather
MIA

Din is-sena jidher li se tkun it-tieni l-aktar sena sħuna rreġistrata, wara l-2016, skont rapport tal-Organizzazzjoni Metroloġika Dinjija (WMO) li nħareġ nhar l-Erbgħa.

Skont ħames settijiet ta’ data li nġabru s’issa għall-2020, sena karatterizzata minn sħana, nixfiet kbar, nirien qawwija u uragani, din is-sena tieħu t-tieni post għall-aktar sena sħuna minn meta bdew jinżammu r-rekords fl-1850. 

“X’aktarx li l-2020 se tkun waħda mit-tliet snin l-aktar sħan irreġistrati globalment,” irrappurtat l-aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti li hija bbażata f’Ġinevra fir-rapport tagħha, l-Istat tal-Klima Globali fl-2020. 

Minħabba s-sħana estrema, din is-sena kien hemm diversi nirien qawwija li ħakmu l-Awstralja, is-Siberja u l-Istati Uniti, u b’riżultat ta’ dan infirxu dħaħen kbar madwar id-dinja.

Is-Segretarju Ġenerali tal-U.N. Antonio Guterres qal f’diskors fl-Università ta’ Columbia fi New York li l-kawża ewlenija huma l-emissjonijiet ta’ gass b’effett serra kkawżati mill-bniedem, u li l-politiki stabbiliti għad iridu jibdew juru riżultati kontra dan l-effett.

“Fi kliem sempliċi, il-pjaneta tagħna mhix taħdem sew,” qal Guterres. “L-umanità qed teqred in-natura. Dan huwa suwiċidju!” żied jgħid.

Il-konċentrazzjonijiet tal-gass b’effett serra laħqu rekord ġdid fl-2019 u telgħu għal dan il-livell din is-sena minkejja tnaqqis mhux mistenni fl-emissjonijiet minħabba l-lockdowns tal-COVID-19, qalet id-WMO x-xahar li għadda.

Patt għall-klima li ntlaħaq f’Pariġi ħames snin ilu jobbliga lill-pajjiżi jagħmlu sforzi biex jillimitaw it-tisħin għal 1.5 gradi Celsius, u x-xjentisti jwissu li jekk tinqabeż din ir-rata jkun hemm bidla katastrofika fil-klima.

Id-WMO tgħid li hemm tal-anqas ċans f’ħamsa li t-temperaturi jeċċedu temporanjament dan il-livell sal-2024, fuq bażi annwali. Għalkemm ma jfissirx li dan il-limitu ta’ tisħin se jinqabeż fit-tul, xorta waħda din hija statistika inkwetanti.