Is-seminaristi Għawdxin jibdew is-Sajf fil-Gwatemala

Is-seminaristi Għawdxin ħallew Malta għal vjaġġ missjunarju fil-Gwatemala fejn se jkunu qed jgħinu lil Dun Anton Grech fil-ħidma pastorali tiegħu fil-kontinent Latin-Amerikan.
Il-grupp ta’ tmienja hu magħmul minn seminaristi, akkumpanjati mir-Rettur Dun Richard Nazzareno Farrugia, il-Viċi Rettur Dun Gabriel Gauci u d-Direttur Spiritwali Dun Alex Refalo. Magħhom hemm wieħed miż-żewġ saċerdoti ġodda Għawdxin, Dun Carl Scerri.
Is-seminaristi se jgħinu biex jinħattu ż-żewġ kontejners li ntbagħtu minn Għawdex, iżda magħhom tellgħu wkoll bosta għotjiet li nġabru matul l-aħħar ġimgħat.
Se jkunu qed iżuru wkoll familji fil-parroċċa ta' Dun Anton kif ukoll villaġġi li jaqgħu taħt il-kura pastorali tiegħu u l-ħabs.
Apparti minn hekk se jorganizzaw attivitajiet għat-tfal u ż-żgħażagħ tal-parroċċa.
Din l-esperjenza missjunarja hija waħda mill-attivitajiet organizzati mis-Seminarju Għawdxi fil-150 sena mit-twaqqif tiegħu.