Is-self mill-banek u mill-idejn qed ikun mażra għal-libertà – L-Isqof Grech

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li għalkemm il-libertà hi meqjusa bħala l-ogħla ġid, qed nissagrifikawha għall-interessi anqas nobbli.
Fl-omelija tiegħu fil-Katidral ta’ Għawdex fl-okkażjoni tal-festa ta' Santa Marija, Mons. Grech elenka ħames ċirkostanzi fejn iħoss li l-libertà hija kompromessa.
Beda billi semma li minħabba l-pressjoni li qed toħloq l-ekonomija, ħafna qed jissellfu mill-banek u mill-idejn, u li f’ħafna każijiet dawn huma mażra li torbtilhom riġlejhom għal snin twal.  
Irrefera wkoll għat-tnaqqir fid-drittijiet tal-ħaddiema minħabba motivi egoistiċi ta’ min iħaddem.
L-Isqof Mario Grech spjega li hemm persuni li l-libertà tagħhom tittiefes minħabba l-pressjoni sottili tal-politika partiġġjana, u biex jintgħoġbu, ma jgħidux dak li jħossu.
Qal ukoll li hemm il-pressjoni tal-media, magna propagondista influwenti f’idejn min għandu l-poter finanzjarju jew politiku.
Saħaq li xi movimenti liberali għenu biex jinkisbu ċerti libertajiet, oħrajn servew biex il-persuna tiġi ridotta għall-individwu depersonalizzat.
L-Isqof ta’ Għawdex sostna li anke fil-Knisja xi drabi teżisti ċerta soffakozzjoni li tnaqqas il-libertà tal-Insara. 
Spjega li jħoss li ħafna huma ossessjonati bit-tradizzjoni, u minflok jaħsbu b’viżjoni jippreferu jaħsbu b’lura. Saħaq li dan kollu huwa xkiel għal-libertà tal-Ispirtu li għandu qawwa li jwelled il-ġdid.
“Knisja li mhix ħielsa li tinfatam mill-passat, hija Knisja li titlef il-kapaċità ġenerattiva tagħha,” tenna l-Isqof Grech.