Is-sejħiet għall-post ta’ Staff Nurse huma miftuħa ukoll għall-infermiera

Wara li l-Ministeru għas-saħħa rċieva numru ta’ talbiet għal kjarifika dwar is-sejħiet għall-post ta’ Staff Nurse fil-Ministeru għas-Saħħa, qed jiġi ċċarat li dawn is-sejħiet kienu miftuħin anke għall-Infermiera li huma rreġistrati fit-Taqsimiet Speċjali tar-Reġistru.

Dan ir-reġistru hu miżmum mill-Kunsill tal-Infermiera u Qwiebel għar-rigward ta’ infermieri mħarrġa f’oqsma speċjali differenti rikonoxxuti mill-Kunsill.

Qed jiġi ċċarat wkoll li s-sejħa maħruġa fis-6 ta’ Awwissu 2013 kienet miftuħa anke għal dawk l-Infermiera li se jkunu lestew b’suċċess il-Conversion Course minn Enrolled Nurse għal Staff Nurse sal-aħħar tas-sena 2013. 

Fi stqarrija, il-Ministeru tas-saħħa qal li biex tiġi assigurata trasparenza assoluta, persuni li jappartjenu għal dawn iż-żewġ kategoriji huma mistiedna japplikaw sa mhux aktar tard minn nhar it-Tlieta, 1 ta’ Ottubru 2013.  Madankollu qed jiġi kkjarifikat li dawk il-kandidati li diġa applikaw f’waħda minn dawn iż-żewġ sejħiet m’għandhomx jerġgħu japplikaw.