Is-sejħa t’Alla mliet il-vojt – Qassis ġdid

“U mela mhux se jkolli friefet fl-istonku nhar is-Sibt!” Dawn kienu l-kliem ta’ Fr Anton D’Amato, avukat, se jiġi ordnat bħala saċerdot din il-ġimgħa.
F’intervista waqt il-programm Follow Up fuq RTK 103FM, Fr Anton tkellem fuq l-esperjenza tiegħu.
Huwa qal li meta tkun iffaċċjat b’bidla daqshekk kbira hija xi ħaġa normali li tkun eċitat u elabora li hawn Malta is-saċerdozju huwa irrispettat, u għalhekk iħoss “ir-responsabbiltà tas-saċerdozju” li titfa’ ċertu piż fuq l-ispallejn biex tittieħed bis-serjetà.
Għalkemm qabel ma daħal għas-saċerdozju huwa ħa lawrja u saħansitra ħa ċertu esperjenza tax-xogħol, saħaq li l- importanti huwa li wieħed jidħol għas-saċerdozju b’maturità u s-serjetà. Qal li nduna li s-saċerdozju hija s-sejħa t’Alla meta’ rrealizza li għalkemm ħajtu beda jħossha qed tiġi f’postha skont il-pjan li kellu f’moħħu, baqa’ jħoss li hemm xi biċċa nieqsa. Huwa saħaq ukoll li għalkemm is-saċerdozju m’huwiex neċessarjament għażla komda jew pjaċevoli, hija xi ħaġa li tagħmlek kuntent.  F’dan il-kuntest semma’ li huwa kellu ħsieb ta’ żwieġ imma s-sejħa t’Alla f’ħajtu kienet qawwija u minħabba f’hekk telaq lit-tfajla li kellu “…miskina mhux sew li ngħid hekk avolja naf li tifhem, imma sibt xi ħaġa aħjar” irrimarka Fr Anton.
B’ton pjuttost umoristiku, qal li l-affarijiet diffiċli tas-saċerdozju “tagħmilhom u tgħid jekk mhux għalija, għallinqas għal Ġesù Kristu”, għaliex ħass li huwa mportanti li jinftiehem li qassis hu bniedem bħal oħrajn. Madankollu saħaq li saċerdot irid ikollu attitudni li għalkemm xi ħaġa mhux ta’ gost, jagħmilha xorta għax hemmhekk tidher l-imħabba.
Xi sfidi li ħass li ż-żgħażagħ jiffaċċjaw fis-saċerdozju tagħhom huma li diffiċli biex isibu saqajhom fir-rutina l-ġdida fejn ikunu qed jaħdmu, kif ukoll it-tensjoni li dejjem qed tmiss ma’ affarijiet bħal ferħ, niket, mard u fejqan b’ħin qasir biss bejniethom.
Meta kien mistoqsi jekk jaħsibx li ż-żgħażagħ moħħ ir-riħ , u kif ukoll jekk jaħsibx li l-anzjani moħħhom magħluq, huwa saħaq li m’għandnix ngħalqu nies f’kaxex, iżda nżommu moħħna miftuħ. Spjega li ltaqa’ kemm ma’ żgħażagħ ħassieba, u kif ukoll ma anzjani ta’ tmenin sena b’moħħhom iktar miftuħ minn żgħażagħ t’għoxrin sena.
L-Ordinazzjoni se ssir għada, nhar is-Sibt 7 t’April, fid-9.15am, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.