Is-sejf ta’ de Vallette jestendi l-mawra tiegħu f’Malta

Is-sejf ta’ de Valette se jibqa’ għal wiri f’Malta sas-7 ta’ Settembru, Lejlet il-Vitorja li tfakkar ir-rebħa tal-Ordni ta’ San Ġwann u l-Maltin, immexxija mill-istess Gran Mastru, fuq l-imperu Ottoman fl-Assedju tal-1565.
Dan wara ftehim li ntlaħaq bejn il-Mużew Louvre ta’ Pariġi u Heritage Malta meta raw l-interess li ntwera għal din il-wirja.
Il-wirja, li fiha hemm is-sejf, hija l-aħħar waħda minn sensiela ta’ wirjiet imtella’ mill-aġenzija nazzjonali u tifforma parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Presidenza Maltija tal-UE u dawk marbuta mal-Belt Valletta meta fl-2018 tkun il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura.
Il-wirja hi maqsuma fi tliet partijiet. L-ewwel parti tiffoka fuq is-sejf, fejn apparti l-istalett innifsu hemm immaġini tri-dimensjonali tax-xabla maqtugħa fl-arja bl-użu tat-teknoloġija diġitali.
Is-sejf u x-xabla kienu ngħataw lill-Gran Mastru de Vallette bħala rikonoxximent għar-rebħa tal-Assedju l-Kbir.
Hemm ukoll oġġetti oħra mill-kollezzjoni nazzjonali relatati mal-wirja filwaqt li għal din l-okkażjoni ġie ppublikat katalgu dettaljat dwar iż-żewġ artefatti.
Il-wirja dwar is-sejf qed issir fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija u tkun miftuħa kuljum bejn id-9:00am u s-6:00pm.

Ritratt: Ian Noel Pace