Ritratti: Is-seħer tal-passa

Tajr tal-priża: Astuni Suwed jittajjru fuq il-Buskett. Ritratt: Alvin Farrugia

L-għasafar minn dejjem affaxxinawna bil-varjetà fl-għamla, l-ilwien u l-għana tagħhom. Fuq kollox saħħruna u ġabulna l-għira għax jafu jtiru u aħna le. Għalhekk il-bniedem dejjem kien konxju bil-preżenza tal-għasafar madwaru, u għalhekk ukoll kien jinduna meta f’salt l-għasafar bħal kienu jisparixxu. X’kien qed jiġri? Fejn kienu qed imorru? Kif u għaliex?

Minkejja t-teknoloġija u l-għerf li għandna llum, baqa’ ħafna fuq il-passa tal-għasafar li għadna ma nafux. M’aħniex ċerti x’mekkaniżmi jużaw biex isibu d-direzzjoni. Forsi jużaw ix-xemx, forsi l-qamar, forsi l-kwiekeb, forsi jħossu l-magnetiżmu tad-dinja! Studji fuq il-passa jsiru bil-gzuz għax baqa’ ħafna x’nitgħallmu.

U jekk ma nafux kollox illum, aħseb u ara fl-antik. Kif tfiehem persuna tal-Medjuevu li l-Malvizz li bejtilha fil-ġardina jkun tar lejn l-Afrika, meta lanqas biss kienu jafu bl-eżistenza tal-Afrika. Sintendi fejn il-bniedem ma jifhimx, spiss jimla bl-immaġinazzjoni. Ħafna kienu jemmnu li fil-passa l-għasafar imorru fuq il-qamar. Saħansitra studjużi naturalisti kienu jaħsbu li l-Ħuttaf jgħaddi x-xitwa midfun fit-tajn f’qiegħ l-għadajjar! 

Illum nafu li meta l-għasafar ‘jisparixxu’ jkunu taru lejn artijiet oħrajn. Nafu wkoll li dan jagħmluh mhux b’kapriċċ, imma biex jibqgħu ħajjin. Jekk l-għasafar jibqgħu f’arthom u ma jsalpawx, tasal ix-xitwa u jmutu bil-ġuħ u l-kesħa. L-għasafar li jbejtu fl-Ewropa jgawdu minn kundizzjonijiet ambjentali eċċellenti fir-rebbiegħa u fis-sajf, temp bnazzi u ikel biżżejjed biex jgħixu huma u jrabbu familja. Imma meta t-temp jibda jaqleb, l-għasafar itiru lejn postijiet fejn ix-xitwa tkun fietla u fejn l-ikel ma jonqosx, bħall-artijiet madwar il-Mediterran jew iktar ’l isfel fl-Afrika Ċentrali. Kif tgħaddi x-xitwa jtiru lura lejn art twelidhom – fi kliem ieħor, dak il-vjaġġ twil u mimli saram l-għasfur jagħmlu mhux darba imma darbtejn fis-sena.

Id-distanzi li jpassu l-għasafar ivarjaw minn speċi għal oħra, minn popolazzjoni għal oħra u anke skont fejn jgħixu. Xi għasafar itiru ftit għexieren ta’ kilometri, oħrajn jaqsmu kontinenti sħaħ. Ir-rekord dinji huwa taċ-Ċirlewwa tal-Artiku, li fis-sajf tkun fl-inħawi tan-North Pole u fix-xitwa tkun l-Antartika, imbagħad terġa’ lura – distanza totali ta’ xi 20,000 km. Veru li l-għasafar ma jmorrux fuq il-qamar, imma li kellek tgħodd flimkien il-vjaġġi li tagħmel din iċ-ċirlewwa tul ħajja ta’ xi 30 sena għandha biżżejjed air miles għal titjira sal-qamar… u lura!

Mistoqsija li tqum spiss f’diskussjoni dwar il-passa hija: “L-għasafar kif ikunu jafu li 3,000 km bogħod hemm klima aħjar?” Ħadd ma jaf biċ-ċert. Forsi l-aħjar spjegazzjoni hija li l-klima ta’ reġjun biż-żmien tinbidel jew tiċċaqlaq. Meta klima tinbidel, tinbidel l-abbundanza ta’ ilma, tinbidel il-flora u tinbidel il-fawna. Nagħtu kas 10,000 sena ilu grupp ta’ għasafar taru 200 km minn klima A biex sabu klima komda B. Jekk dik il-klima bil-mod il-mod, sena wara sena, seklu wara seklu, tbiegħdet minn fejn kienet, ftit ftit id-distanza kibret sa ma l-għasafar spiċċaw itiru 1,000 km biex minn A waslu B. B’xorti tajba ċ-ċaqliq fil-klima sar bil-mod u l-għasafar kellhom ċans jadattaw għal vjaġġi iktar twal. 

Ħafna għasafar itiru fi gruppi. Dan jagħmluh għal iktar minn raġuni waħda. Frieħ li jkunu ħa jpassu l-ewwel darba jingħaqdu ma’ għasafar adulti ħalli jirtu l-esperjenza tax-xjuħ u jitgħallmu r-rotta. Fi grupp inqas hemm ċans li tintilef, speċjalment f’għasafar li jpassu bil-lejl. Jekk tgħaddi qatgħa Kwakk fid-dlam minn fuq rasek tinduna bihom għax tismagħhom isejħu lil xulxin ħalli ma jinfirdux. Fin-numru hemm ukoll is-saħħa, għax jekk jinqala’ ngħidu aħna seqer, qatgħa għasafar faċli ddur għalih u tkeċċih, mentri għasfur waħdu aktarx jaqa’ vittma. Minkejja dawn il-vantaġġi, ħafna għasafar xorta jpassu weħidhom. Kif ikampaw? Misteru ieħor. 

Distanzi qosra mhumiex problema kbira għall-għasafar, għax għasfur f’saħħtu għandu stamina kbira, u bogħod ta’ 50–100 km mhux inkonvenjent. Il-problemi serji jitfaċċaw meta d-distanzi jkunu twal u jkunu jaqsmu ostakli bħal muntanji, baħar u deżert. 

Mal-milja tal-millennji l-għasafar adattaw u tgħallmu kif itaffu l-problema tal-għeja. Kulħadd jaf bil-famużi V-formations li xi tajr kbir bħall-irsieset u l-graw iħobbu jiffurmaw waqt li jtiru. Dawn il-linji twal ma jsirux biex aħna narawhom sbieħ. Illum nafu li meta għasfur itir ħdejn u ftit wara sieħbu, il-qadfa ta’ dak li jkun quddiem timbotta l-arja b’mod li tgħolli kemm kemm lil dak ta’ warajh. U bl-istess mod it-tieni jgħin lit-tielet, eċċ. B’hekk l-għasafar f’dik il-linja jkunu qed jgħinu lil xulxin u jnaqqsu ftit mill-isforz tat-titjir. L-għasfur ta’ quddiem fil-fatt wara ftit joħodlu postu għasfur ieħor ħalli hu wkoll igawdi ftit lift.

Minkejja l-istamina u t-trikks, però, il-biċċa l-kbira tal-għasafar fl-aħħar xorta jegħjew u jinżlu jistrieħu. Ifittxu postijiet fejn jistgħu jieħdu nagħsa bla tfixkil u forsi jsibu xi ħaġa x’jieklu wkoll. F’dawn il-postijiet l-għasafar ġeneralment ftit idumu: wara lejl jew ftit jiem jaqbdu r-rotta u jkomplu triqthom. Imma minkejja li qasira, dik il-waqfa taf tkun id-differenza bejn ħajja u mewt għal għasfur sfinut u mġewwaħ. Għalhekk BirdLife Malta tistinka tant biex ma jsirx żvilupp fl-inħawi tar-riservi naturali, u biex jiżdiedu l-inħawi protetti mill-kaċċa u l-insib. 

Dment li l-għasafar isibu l-art, il-problema tal-għeja ġeneralment ma tkunx tant gravi. X’jiġri imma meta jkollhom jaqsmu l-baħar? Għal għasafar li jgħumu, bħall-borok u l-gawwi, il-baħar mhux problema għax huwa l-element tagħhom. Imma l-biċċa l-kbira tal-għasafar ma jafux jgħumu, u għal dawn il-baħar huwa ostaklu formidabbli. Biżżejjed tistħajjel Pitirross, b’qalb daqs piżella tħabbat elf fil-minuta, jitħabat fil-maltemp bejn sema u ilma. Bla dubju f’kull passa l-baħar jibla’ mijiet ta’ eluf ta’ għasafar li ma rnexxilhomx jaqsmuh f’titjira waħda. 

Għalhekk fil-fatt ħafna għasafar jippruvaw jevitaw meded kbar ta’ baħar, u jsibu rotot fejn il-baħar ikun l-idjaq. Jekk tħares lejn mappa tal-Mediterran malajr tifhem għaliex ħafna għasafar li jiġu biex jaqsmu l-baħar jagħżlu waħda minn tliet rotot: fil-punent il-Fliegu ta’ Ġibilterra, li wiesa’ biss 15 km; fil-Lvant il-Bosfru, baħar dejjaq ħafna fit-Turkija; u rotta fin-nofs li tinżel mal-Italja, Sqallija u qabża għall-Afrika ta’ Fuq. U proprju hawnhekk tidħol Malta fl-istampa, għax għal għasfur għajjien gżira f’nofs baħar hija oażi f’nofs deżert. Minħabba li qiegħed fuq rotta tal-passa, pajjiżna għandu x-xorti li jżuruh ħafna għasafar. Ħasra li għad hawn nies li flok jilqgħu l-għasafar b’rispett u ammirazzjoni jilqgħuhom bit-tiri tas-snieter u bin-nases.

Qatgħa Rsieset Ħomor qed ipassu minn fuq Malta. Ritratt: Alvin-Farrugia

Minkejja li pajjiżna mogħni bil-fenomenu tal-passa, ħafna Maltin għadhom mhumiex konxji minn din il-meravilja tan-natura. F’Malta l-passa tal-għasafar nistgħu ngawduha minn kullimkien għax pajjiżna żgħir. Naturalment hemm inħawi fejn għandek ċans aħjar ta’ ftit spettaklu. Ir-riservi naturali mistagħdra tal-Għadira, is-Simar u s-Salina huma kalamita għal tajr tax-xtut bħall-Fras-servjent, l-Agrett Abjad, il-Fjamingu u diversi pispisell. Imma għal ħafna berdwoċers il-post sinonimu mal-passa tal-ħarifa huwa l-Buskett. F’Settembru jgħaddi ħafna tajr tal-priża minn fuqna, li spiss ifittex is-siġar tal-Buskett biex fihom jgħaddi lejl mistrieħ. Li tara fi nżul ix-xemx qatgħa mħallta ta’ Kuċċard, Bagħdan Ħomor u Astuni Suwed niżlin bla ħoss fiż-Żnuber u l-Ballut hija xena li ma tinsihiex malajr.

L-għada filgħodu dan it-tajr ma jitlaqx kmieni. Jistenna lix-xemx issaħħan l-art, u hawnhekk nosservaw trikk ieħor tal-għasafar. L-art sħuna tifforma fuqha kurrent ta’ arja sħuna, li titla’ ’l fuq. L-għasafar jinqalgħu mis-siġar, isibu u jirkbu dawn il-kurrenti sħan, u b’dawk il-ġwienaħ wesgħin miftuħin beraħ u bla qadfa waħda jibdew jagħqdu fi ċrieki u jogħlew ’il fuq sa ma jkunu tikka fis-sema. Kif ikunu f’dak l-għoli joħorġu mill-kurrent u b’ħeffa kbira jigglajdjaw għal fuq il-baħar. Jekk ir-riħ ikun jaqbel, l-aħħar medda baħar minn Malta għall-Afrika jaqsmuha bl-inqas sforz. X’idea dik!      

Minn mindu twaqqfet, BirdLife Malta ilha tistudja l-għasafar. Biex nitgħallmu iktar dwarhom, tmexxi riċerka xjentifika biċ-ċrieket (bird ringing), daż-żmien anke b’apparat sofistikat elettroniku li jsegwi t-tajr bis-satellita. Dawn l-istudji kixfu diversi sigrieti li qabel kienu misteru.

Imma jibqa’ l-fatt li, insolvu kemm insolvu misteri, il-fenomenu tal-passa tal-għasafar jibqa’ jsaħħarna.

Ritratt: Birdlife Malta

Din is-sena BirdLife Malta nidiet il-kampanja #onthemove biex tesponi s-sbuħija li jipprovdi l-ispettaklu tal-passa tal-għasafar fil-ħarifa. Il-kampanja għandha l-għan li tispira lill-pubbliku biex igawdi, jieħu ħsieb u jħares l-għasafar li jpassu minn fuq Malta tul il-ħarifa. Żur https://birdlifemalta.org/onthemove biex tiskopri aktar dwar din il-kampanja. Il-pubbliku qed jiġi mħeġġeġ ukoll iniżżel l-għasafar li josserva f’formola li nħolqot apposta għal din il-kampanja billi jagħfas fuq dan il-link.

Dan it-tagħrif twassal minn Victor Falzon, Naturalista u Field Teacher ma’ BirdLife Malta.