Is-sehem tal-media fl-industrija tas-servizzi finanzjarji f’seminar tal-FTFEĠ

Il-Fondazzjoni Tumas Fenech għall-Edukazzjoni fil-Ġurnaliżmu (FTFEĠ), b’kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA), l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) u Leading Talks Malta, qed torganizza seminar bit-tema: “L-Involviment tal-Media fl-Industrija tas-Servizzi Finanzjarji”.
Is-seminar se jkun offrut bla ħlas u se jsir nhar il-Ġimgħa, 22 ta’ Jannar, 2016 fil-lukanda Hilton.
Is-settur tas-Servizzi Finanzjarji, taħt is-superviżjoni ta’ Awtorità li hija rispettata ħafna, sar wieħed mill-pedamenti tal-ekonomija ta’ pajjiżna.
Il-FTFEĠ qalet f’konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu li huwa fundamentali li fil-media lokali ċ-ċittadin Malti jsib informazzjoni korretta u aġġornata fuq is-swieq finanzjarji, kif ukoll opinjonijiet ta’ esperti fuq ir-riskji u responsabbiltajiet ta’ dawk li joperaw f’dan is-settur.
Matul is-seminar ta’ nofs ta’ nhar, iż-żewġ kelliema ewlenin se jkunu Caroline Mitchell, Lead Ombudsman fil-Financial Ombudsman Service fl-Ingilterra, li hija responsabbli għall-Istrateġija li tiġbor flimkien il-gruppi tal-istampa u tal-komunikazzjoni, u li ssawwar il-politika u twassalha fil-komunità, u Elena Peresso, Kordinatriċi tal-Politika fid-Direttorat Ġenerali għal Stabbiltà Finanzjarja, Servizzi Finanzjarji u Unjoni ta’ Swieq Kapitali – DG FISMA – fil-Kummissjoni Ewropea.
Għas-seminar se jattendu wkoll kelliema ewlenin, flimkien ma’ Geoffrey Bezzina, Direttur tal-Unità tal-Ilmenti tal-Konsumaturi fi ħdan l-MFSA (li hu wkoll il-Maniġer tal-Ilmenti tal-Konsumaturi f’termini tal-Att tal-MFSA), u Edward Rizzo mill-Kulleġġ tal-Istockbrokers.
Id-diskussjoni waqt is-seminar se titmexxa mill-ekonomista Dr Gordon Cordina.
Il-Fondazzjoni Tumas Fenech għall-Edukazzjoni fil-Ġurnaliżmu (FTFEĠ) twaqqfet fl-2000 bl-iskop li jissaħħu l-media miktuba u mxandra f’Malta permezz ta’ edukazzjoni u taħriġ tekniku għall-ġurnalisti, kemm dawk li diġà jaħdmu fil-qasam u dawk li jaspiraw li jidħlu fil-professjoni fil-ġejjieni.