​Is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan jikteb lill-Isqof Grech

Is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan il-Kardinal Pietro Parolin qal li l-Papa Franġisku ħa pjaċir jisma’ dwar il-mużajċi ġodda li tqiegħdu quddiem is-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu, u li jirrappreżentaw l-għoxrin Misteru tar-Rużarju. 
F’messaġġ li ntbagħat lill-Isqof t’Għawdex Mario Grech, is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan jgħid li l-Papa jrid ifakkar fil-primat tal-familja bħala skola ta’ talb u formazzjoni fil-ħajja Nisranija.
Appella biex il-familja taqsam flimkien it-talb ta’ kuljum fosthom il-qari tal-Kelma ta’ Alla u l-komunjoni Ewkaristika biex tisseddaq fl-imħabba u tinbidel f’tempju fejn jgħammar l-Ispirtu.
Isemmi kif il-Papa xtaq jibgħat ix-xewqat sbieħ tiegħu lil dawk kollha miġbura għall-inawgurazzjoni tagħhom bħala parti mis-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu. 
Fl-ittra tiegħu, il-Kardinal Parolin stqarr li l-Papa esprima t-tama li dawn il-mużajċi jiswew lil dawk li jżuru u jitolbu f’Ta’ Pinu sabiex jidħlu iktar fil-fond tal-misteri tal-ħajja ta’ Ġesù. 
L-ittra qalet ukoll li l-Papa Franġisku minn qalbu qed jagħti l-Barka Appostolika tiegħu bħala rahan ta’ paċi u hena fil-Mulej.