Is-Segretarju Ġenerali eletta tal-Commonwealth tiffoka fuq ħidma kontra l-korruzzjoni

Is-Segretarju Ġenerali eletta tal-Commonwealth, il-Barunessa Patricia Scotland, dalgħodu qalet li fil-ħidma tagħha hija se tkun qed tiffoka sabiex tiġi eliminata l-korruzzjoni, l-inugwaljanza bejn is-sessi u kontra l-vjolenza fuq in-nisa.
Dwar il-korruzzjoni, Patricia Scotland qalet li din se tkun l-ogħla priorità tagħha li taħdem mill-qrib mat-53 pajjiż membru tal-Commonwealth għaliex fi kliemha, din hija xi ħaġa serja u li tinħtieġ il-kollaborazzjoni ta' kulħadd.
Hija semmiet li tifhem u tapprezza l-ħidma tar-Royal Commonwealth Society bl-għan li jiġi promoss l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għarfien li nħoloq kontra l-vjolenza fuq in-nisa.
Dwar dan, hija saħqet li jinħtieġ iżjed ftehim bejn il-pajjiżi tal-Commonwealth biex ikun hemm front komuni. 
Il-Barunessa Scotland qalet li biex wieħed jifhem eżatt fejn irid jasal, għandu jġib quddiem għajnejh id-dinja li rridu nħallu lil uliedna u ninsew id-dinja li qed ngħixu fiha.
Hija faħħret il-livell għoli ta' parteċipazzjoni tan-nisa fil-Commonwealth u qalet li tinsab onorata li kienet l-ewwel mara li ġiet eletta Segretarju Ġenerali. Daqstant ieħor hija tittama li ma tkunx l-unika mara fl-istorja li tokkupa din il-kariga.