Is-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjani jgħid li proposti Laburisti diġà jeżistu

Is-segretarjat Parlamentari għall-anzjani u kura fil-komunità, fi stqarrija qal li s-servizz ta’ twassil ta’ mediċini lill-anzjani fi djarhom diġà jeżisti.

Dan wara li l-Partit Laburista ħabbar dan is-servizz bħala waħda mill-proposti tiegħu.

Is-segretarjat qal li s-servizz tal-Homehelp jinkludi carers li jmorru jgħinu lill-anzjani f’darhom u jgħinuhom fil-qadi li jkollhom bżonn inkluż billi jiġbrulhom il-mediċini mill-ispiżerija.

Fi stqarrija separata, l-istess segretarjat parlamentari kkontradixxa dak li qal aktar kmieni Dr Joseph Muscat dwar il-liġi tas-saħħa mentali.

Fi stqarrija, intqal kif il-liġi li Dr Muscat wiegħed li jdaħħal fil-leġislatura li jmiss, diġa għaddiet mill-Parlament f’Diċembru li għadda. Dan wara li l-abbozz ta’ liġi għadda unanimament f’Novembru li għadda u l-liġi ġiet iffirmata mill-President f’Diċembru.

L-istqarrija tkompli tgħid li dan is-suġġett m’għandux jintuża b’mod irresponsabbli.