Is-Sedqa mħassba dwar it-tibdil f’lotterija

L-Aġenzija Sedqa turi t-tħassib tagħha dwar it-tibdil fil-Grand Lottery li tħabbar fil-jiem li għaddew mill-kumpanija Maltco.

Dan minħabba li l-format il-ġdid jinkludi tlugħ tal-lotterija aktar ta’ spiss bi premju ta’ mill-inqas €500,000 fil-ġimgħa.

Fi stqarrija l-Aġenzija Sedqa qalet li kemm-il darba ġibdet l-attenzjoni li l-esperjenza tal-lotterija tas-Super 5 f’diversi okkażjonijiet uriet li premju ta’ ammont kbir hekk, iwassal għal żieda fil-bejgħ ta’ biljetti.

Żiedet tgħid li ċifri bħal din jgħollu t-tama ta’ ħafna individwi, speċjalment dawk li jkunu għaddejin minn diffikultajiet finanzjarji, u jittamaw li rebħa kbira ta’ dan il-qies tista’ tbiddlilhom ħajjithom ta’ taħt fuq, mil-lum għal għada.

Qalet li diversi bejjiegħa, inkluż ħwienet tal-merċa u minimarkets, isostnu li l-bejgħ tagħhom jonqos kull meta l-premju tas-Super 5 jilħaq ċerti livelli. Saħansitra l-ispiżeriji wkoll ġieli esprimew tħassib dwar in-nuqqas ta’ bejgħ f’dawn iż-żminijiet.

L-Aġenzija Sedqa ssostni li huwa probabbli li persuni bl-inqas dħul huma l-aktar li jitħajru jittantaw xortihom meta jkun hemm premju kbir, anke jekk dan ifisser li jridu joqogħdu lura milli jixtru affarijiet bażiċi.

Temmen li dan it-tibdil ser ikun qed ifixkel il-ħidma tal-Gvern fejn jidħol il-faqar.