Is-Sedqa lestiet ir-reazzjoni għall-White Paper dwar ir-riforma tad-droga

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, Alfred Grixti qal l-Fondazzjoni bdiet tiddiskuti internament il-White Paper dwar ir-riforma tal-liġijiet dwar id-droga.
Żvela li s-Sedqa lestiet l-ewwel abbozz tar-reazzjoni għal din il-White Paper.
Fuq RTK, Grixti qal li saret laqgħa bejn il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia u l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici biex jitressqu l-ideat dwar ir-riforma fil-liġi.
Waqt il-programm, l-Isqof Awżiljarju Charles J. Scicluna qal li huwa dmir tiegħu li jirrispondi u jagħti l-kontribut tiegħu għall-White Paper għax l-Awtoritajiet qed jistiednu lill-pubbliku għad-diskussjoni biex il-liġi tkun aħjar.
Filwaqt li stqarr li għandu riżervi fuq l-użu u l-kultivazzjoni tal-kannabis, l-Isqof Scicluna qal li b’din il-White Paper se jkun hemm alternattiva għall-priġunerija li hija r-rijabilitazzjoni mandatorja.
Saħaq li hawn bżonn mhux biss struttura legali imma wkoll kampanja edukattiva kontra l-abbuż għaliex id-droga tkisser lill-individwu u jsir piż mhux biss għalih innifsu imma wkoll għas-soċjetà.
L-Isqof Scicluna jispera li l-esperti fil-bord jagħtu linji gwida għar-rijabilitazzjoni biex il-vittmi joħorġu mill-vizzju.
Qal li hija opportunità tajba li se jkun il-Kummissarju għall-Ġustizzja li jkollu d-diskrezzjoni tal-każ.
Min-naħa tiegħu, l-Imħallef Franco Depasquale qal li jekk id-droga hija pjaga għas-soċjetà u essenzjalment ħażina, irridu nammettu li hija ħażina.
Enfasizza li l-ewwel irridu nikkorreġġu lill-vittmi qabel ma nibdew nieħdu ħsiebhom.