Filmat: Is-Sea-Watch jitħalla jankra viċin Sirakuża

Is-47 immigrant salvati minn Sea Watch 3 li ilhom bejn sema u ilma għal sebat ijiem issa se jitħallew jidħlu viċin il-port ta’ Sirakuża fi Sqallija sabiex jistkennu mill-maltemp li qed jaħkem il-baħar Mediterran.

Fi Tweet, l-għaqda Sea-Watch xerrdet filmat tal-bastiment dieħel fl-ibħra territorjali Taljani, fejn il-baħar jidher imqalleb. Intant talbu sabiex dawn l-immigranti, li fosthom hemm 13-il minuri mhux akkumpanjat minn adult, jingħataw port ta’ sigurtà u assistenza immedjata.

Is-47 persuna ġew salvati minn fuq dgħajsa tal-lasktu wara li spiċċaw f’periklu f’ibħra internazzjonali fit-Tramuntana ta’ Zuwara fil-Libja. Dawn inġabru mill-bastiment Sea-Watch 3 u ngħataw il-kura meħtieġa.

Sea-Watch isalva 47 immigrant ieħor; inkluż 13-il minuri

Sorsi viċin is-Sea-Watch spjegaw ma’ Newsbook.com.mt li għamlu kuntatt mal-Italja, Malta u l-Libja qabel il-ħidma tas-salvataġġ, waqt il-ħidma u anke wara. Qalu li l-Italja qaltilhom biex jagħmlu kuntatt mal-Libja, iżda l-Gwardja tal-Kosta Libjana baqgħet qatt ma bagħtet risposta.

Fi stqarrija il-Gwardja tal-Kosta Taljana spjegat kif il-bastiment tas-Sea-Watch issa se jkun qed jankra madwar żewġ kilometri ‘il barra minn Sirakuża, fit-Tramuntata ta’ Cape Maglisi sabiex kemm il-bastiment kif ukoll il-persuni ta’ fuqu jkunu aktar sikuri.