Is-Sea Shepherd jiddeskrivi l-inċident tal-Ħadd bħala “xejn eċitanti”

Kelliem għall-organizzazjoni Sea Shepherd naqqas mill-importanza tal-inċident tant li ddeskrivieh bħala wieħed “xejn eċitanti”.
L-organizzazzjoni Sea Shepherd, ibbażata f’Washington, l-Istati Uniti, hija magħrufa għal azzjonijiet kemxejn estravaganti, speċjalment meta jkollha suspett li qed iseħħu xi illegalitajiet.
Dan is-sit talab ir-reazzjoni tal-organizzazzjoni, li min-naħa tagħha qalet li mhu minnu xejn li xi attivist minn tagħha baqa’ għaddej minn fuq il-gaġeġ tat-tonn.
Kompliet tgħid li l-Brigitte Bardot, isem il-vapur li kien fl-ibħra Maltin, kien biss wieqaf fl-ibħra Maltin jistenna sabiex ikompli bil-vjaġġ, minħabba temp ħażin.
Ma’ Newsbook.com.mt qalu li, waqt li m’għandhom ebda pjanijiet għal kampanji f’Malta, wieħed mill-attivisti xtaq jinżel biex jiġbed xi ritratt tal-gaġeġ tat-tonn. Meta dan resaq qrib iżżejjed tal-gaġeġ, ġie rrappurtat mid-dgħajsa li kienet qed tiġbed il-gaġeġ.
L-organizzazzjoni sostniet li tipprova kemm jista’ jkun tevita inċidenti bħal dawn, minkejja l-impressjoni bil-maqlub li jagħtu bosta serje televiżivi.
Sadanittant, dan is-sit sar jaf li l-gaġeġ tat-tonn involuti huma ta’ Mare Blu Tuna Farm Ltd.
Wieħed mid-diretturi ta’ Mare Blu kkonferma li l-gaġeġ kienu tagħhom, u qal li għandhom kollox skont il-liġi. Il-kumpanija mhix se tieħu passi legali.
Fl-2010, kumpanija Maltija, Fish & Fish, kienet allegat li attivisti tas-Sea Shepherd għamlu ħsarat fl-apparat li biegħ jinstad it-tonn.