Is-sbuħija ta’ Kristu ddawwal l-uċuħ u l-ħajja

Sorijiet tal-Klawsura jifirħu bil-Papa li mar iżurhom fil-monasteru tagħhom

“Jien grat ħafna għall-preżenza tagħkom, għall-fedeltà u għax-xiehda sabiħa ta’ Kristu li intom toffru lil din il-komunità”, b’din it-tislima l-Papa Franġisku ingħaqad ma’ grupp ta’ sorijiet fit-talb ta’ nofsinhar fil-Kunvent tal-Karmelitani Skalzi f’Antananarivo fil-Madagascar.

Din il-laqgħa li żgur kienet wieħed mill-isbaħ mumenti taż-żjara tal-Papa fi tliet pajjiżi Afrikani saret nhar il-Ħadd li għadda. Papa Franġisku l-bieraħ irritorna lura l-Vatikan.

“Nirringrazzja lil kull waħda minnkom, għeżież sorijiet li ħriġtu għal ftit mill-monasteru tal-klawsura tagħkom biex turu l-għaqda tagħkom miegħi u mal-ħajja u l-missjoni tal-Knisja u partikolarment il-Knisja fil-Madagascar,” qalilhom il-Papa Franġisku.

Rikkezza kbira

“F’dan il-pajjiż, jista’ jkun li hawn il-faqar, imma hawn ukoll rikkezza kbira! Hawnhekk insibu teżor kbir ta’ sbuħija naturali, umana u spiritwali. Intom ukoll, għeżież ħuti Sorijiet, intom parti minn din is-sbuħija tal-Madagascar, il-poplu ta’ dan il-pajjiż u l-Knisja tiegħu għax hi s-sbuħija ta’ Kristu li ddawwal l-uċuħ u l-ħajja tagħkom. Verament, grazzi għalikom il-Knisja fil-Madagascar hi ferm aktar sabiħa f’għajnjen Alla u f’għajnejn id-dinja kollha”.

Matul din iż-żjara, il-Qdusija Tiegħu ppreżenta rigal lill-monasteru li jirrappreżenta lill-“Madonna tal-Purità”. Din hi biċċa xogħol oriġinali tal-iskultur Siċiljan Biagio Governali li pproduċiha fil-bronż, fil-ħanut tiegħu f’Corleone, qrib Palermo b’teknika magħrufa bħala “lost wax”.

F’din il-kompożizzjoni tiddomina l-figura tal-Verġni Marija, li b’imħabba kbira tidher tħaddan magħha lit-Tarbija filwaqt li b’idha l-lemenija qed tagħtih ħamiema, simbolu tal-purità.

Fl-Iskrittura Mqaddsa il-ħamiema hi simbolu li għandu diversi sinjifikati, imma l-ewwel u qabel kollox hi sinjal tal-Ispirtu tal-Mulej, l-Ispirtu li għadda fuq il-ħolqien sa mill-bidu tad-dinja u li niżel fuq Ġesù Iben meta dan tgħammed fix-Xmara Ġordan.