Is-sawm fir-Randan huwa sejħa lil ruħna

Pope Francis places ashes on the head of a cardinal during Ash Wednesday Mass (CNS photo/Yara Nardi, Reuters)

Il-Papa Franġisku qal li s-sawm minn ikel jew affarijiet oħra matul ir-Randan hu ċans biex il-Kattoliċi jorjentaw ir-rabtiet materjali tagħhom filwaqt li ħeġġeġ lill-poplu biex jieqaf ftit u jdur lejn Alla f’dan iż-żmien ta’ penitenza.  Huwa qal dan fl-omelija tal-quddiesa ta’ Ras ir-Randan.

“Ġesù fuq l-għuda tas-salib, jaħraq bl-imħabba għalina u jsejjħilna għal ħajja ta’ mħabba għalih li ma tispiċċax qalb l-irmied tad-dinja; imma għal ħajja li taħraq bil-karità u ma tispiċċax bil-medjokrità”, qal il-Papa fil-quddiesa ta’ nhar l-Erbgħa.

“Diffiċli ngħixu kif iridna Alla? Iva, diffiċli, imma dan iwassalna fejn nixtiequ. Ir-Randan hekk jurina.  Jibda bl-irmiied imma jwassalna għan-nar tal-Għid bil-lejl; biex niskopru li fil-qabar il-ġisem ta’ Ġesù ma sarx irmied, imma rxoxta b’mod glorjuż”.

Il-kuraġġ għaċ-ċaħda

Il-Papa appella lill-Kattoliċi biex idawru ħarsithom lejn Ġesù Kurċifiss għax “mis-salib Ġesù jgħallimna il-kuraġġ li hemm bżonn għaċ-ċaħda.”

“Mhux se nimxu ‘l quddiem jekk għandna xi mazzra. Il-faqar tal-injam, is-silenzju tal-Mulej, meta neżża’ lilu nnifsu, uriena l-bżonn ta’ ħajja aktar sempliċi, ħielsa mill-ansjetajiet”.

Il-Papa beda r-Randan billi għamel il-Via Sagra fil-Knisja ta’ San Anselmu f’Ruma u mbagħad mar b’purċissjoni qasira lejn il-Bażilika ta’ Santa Sabina fejn qaddes quddiesa, bierek u poġġa l-irmied fuq l-irjus ta’ dawk preżenti. F’din il-purċissjoni tradizzjonali ħadu sehem miegħu nurmu ta’ Kardinali, Isqfijiet, saċerdoti u l-Patrijiet Benedittini ta’ San Anselmu u l-Patrijiet Dumnikani ta’ Santa Sabina flimkien mal-lajċi, bil-kant tal-Litanija tal-Qaddisin.

Tliet oqsma

Fl-Omelija l-Papa tkellem fuq tliet oqsma li tul ir-Randan, l-Mulej jistieden lill-insara biex jiffukaw fuqhom – il-karità, it-talb u s-sawm. “Għaliex dan?”, staqsa l-Papa. “It-talb jgħaqqadna ma’ Alla, il-karità tgħaqqadna mal-proxxmu u s-sawm magħna nfusna.”

Ir-Randan hu stedina biex niffukaw fuq Kristu, imbagħad fuq il-karità mal-oħrajn u “finalment biex inħarsu lejn qalbna permezz tas-sawm li jeħlisna mill-irbit mal-affarijiet u mill-ħwejjeġ tad-dinja li jraqqdu l-qalb”.

Papa Franġisku pparaguna l-qalb ma’ kalamita li dejjem “trid taqbad ma’ xi ħaġa. Jekk qalbna dejjem tintrabat ma’ affarijiet tad-dinja, illum jew għada ssir skjava tagħhom”.

Min-naħa l-oħra, jekk il-bniedem idawwar ma’ qalbu affarijiet li jorbtu, li ma jgħaddux, hemmhekk isib il-veru ħelsien, qal il-Papa.

L-affarijiet tad-dinja jispiċċaw

Huwa spjega li l-irmied hu sinjal ta’ distakk – sinjal li jġiegħlna naħsbu x’hemm f’moħħna.

“Is-sinjal żgħir bl-irmied li aħna nirċievu, hu tifkira sottili imma reali, li mill-ħafna affarijiet li għandna f’moħħna, li niġru warajhomu ninkwetaw dwarhom kuljum, xejn ma jibqa’. L-affarijiet tad-dinja jispiċċaw kif it-trab itir mar-riħ”, qal il-Papa filwaqt li fakkar lill-Kattoliċi li ebda oġġett materjali jew ġid m’hu se jieħdu magħhom wara mewthom.

Ir-Randan hu żmien fejn neħilsu lilna nfusna mill-illużjoni li niġru wara t-trab. Ir-Randan qiegħed biex niskopru mill-ġdid li aħna maħluqa bħal fjamma li ma tintefiex u mhux għall-irmied li malajr jisparixxi; għal Alla, mhux għad-dinja; għall-eternità tal-ġenna mhux għall-qerq tad-dinja; għall-ħelsien ta’ ulied Alla mhux għall-iskjavitu tal-affarijiet materjali.”

“Illum ejja nistaqsu lilna nfusna: Jien fejn jien? Jien qed ngħix għan-nar jew għall-irmied?”, temm jgħid Papa Franġisku.