Is-Santa Sede tikkundanna d-delitti sesswali fil-gwerer

Il-laqgħa tal-Kunsill tas-Sigurtà li ddiskutiet it-tema tal-vjolenza sesswali fil-gwerer

Għal darb’oħra is-Santa Sede, permezz tal-Osservatur Permanenti tagħha fin-Nazzjonijiet Uniti, il-Kardinal Bernardito Auza, ikkundannat id-delitti ta’ vjolenza sesswali fuq nisa, rġeil, subien u bniet li jinsabu f’żoni ta’ kunflitt u sostniet li dawn l-atti orribbli qatt ma jistgħu jservu bħala armi ta’ gwerra.

L-Arċisqof Auza kien qed jitkellem f’dibattitu fil-Kunsill tas-Sigurtà but-tema: In-nisa, il-Paċi u s-Sigurtà: Il-vjolenza sesswali fil-gwerer”.

Il-Vatikan sostna wkoll il-pożizzjoni tiegħu li tfal konċeputi wara vjolenza sesswali, għandhom id-dritt li jeżistu u jkunu mwellda u jingħataw għajnuna u mħabba flok ma jkunu stigmatizzati jew jinqerdu.

Niksru s-silenzju

Filwaqt li kkundanna s-silenzju li hemm dwar l-istupru u forom oħra ta’ vjolenza sesswali waqt il-ġlied, id-diplomatiku tal-Vatikan qal li “l-impunità ħafna drabi qed tkun in-norma u allura l-vittmi jibżgħu jitkellmu. Dan is-silenzju għandu jinkiser u “flok impunità għandu jkun hemm kontabilità biex tkun tista’ ssir ġustizzja u riparazzjoni”.

L-Arċisqof Auza fakkar li r-Riżoluzzjoni 132 tan-Nazzjonijiet Uniti adottata fis-sena 2000 issejjaħ lill-partijiet kollha f’kunflitt armat biex jassiguraw il-protezzjoni tan-nisa u t-tfajliet mill-vjolenza sesswali u l-abbuż u appella biex ikun hemm parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa f’kull sforz lejn il-paċi u s-sigurtà.

Skont Vatican News, l-uffiċjal tas-Santa Sede qal li mod kif nassiguraw il-paċi u l-ġustizzja hu billi nħallu l-ilħna tan-nisa u t-tfajliet jinstemgħu. Il-weġgħat, is-saħħa u l-għerf ta’ dawk li għaddew minn dawn it-trawmi għandhom ikunu rikonoxxuti u dawn in-nies għandhom jitqiesu bħala esperti fil-ksib tal-paċi.

L-Arċisqof ikkundanna l-vjolenza sesswali f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt, imwettqa minn organiżazzjonijiet terroristiċi, gruppi kriminali, forzi armati u kultant anke minn suldati tal-forza tan-Nazzjonijiet Uniti għaż-Żamma tal-Paċi. Hu qal li japprezza kull sforz li jsir biex jieqfu l-abbużi sesswali waqt ħidma għaż-żamma tal-paċi min-Nazzjonijiet Uniti.

Id-dritt li titwieled u tgħix b’dinjità

Id-diplomatiku tal-Vatikan tkellem ukoll dwar il-kwestjoni sensittiva ta’ tfal li jkunu konċeputi u jitwieldu b’riżultat ta’ vjolenza sesswali waqt il-kunflitti. “Dawn it-tfal għandhom bżonn appoġġ u mħabba, mhux li jkunu mistmerra, stigmatizzati jew jisparixxu – jew agħar minn hekk – ikunu mċaħħda mid-dritt bażiku li jitwieldu u jeżistu”.

Dawn it-tfal  għandhom bżonn attenzjoni speċjali u programmi li jiggarantixxu l-protezzjoni tagħhom, fejqan, rikonċiljazzjoni u integrazzjoni sħiħa.