Is-Santa Sede tiffoka fuq il-persuna umana

F’laqgħa tal-Forum Ekonomiku u Ambjentali tal-OSCE li saret fi Vjenna ftit jiem ilu, Mons. Janusz Urbanczyk, ir-rappreżentant tas-Santa Sede għall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, insista li l-iżvilupp m’għandux biss l-iskop li jinħoloq il-ġid imma jrid ikun ukoll ta’ benefiċċju għall-persuna umana.
“Jekk ma niħdux ħsieb il-persuna umana mhux biss inkunu qed nagħmlu ħsara lis-soċjetà imma nkunu qed niċħdu d-dinjità umana inerenti għal kull persuna. Żvilupp ekonomiku b’saħħtu u fit-tul jitlob ħafna responsabbiltà.  Mingħajr governanza tajba l-attività ekonomika tkun korrotta”, qal ir-rappreżentant tal-Vatikan.
Huwa qal li f’diversi okkażjonijiet is-Santa Sede affermat li l-mira tal-istituzzjonijiet soċjali – u allura anke tal-ekonomija – hi u għandha tkun il-persuna umana li min-natura tagħha għandha bżonn il-ħajja soċjali.
Jekk l-attività ekonomika, il-produzzjoni u x-xogħol ifittxu biss l-għana u tirriduċi l-bniedem għal partijiet strumentalizzati f’mekkaniżmu pervers li jitħan ir-riżorsi biex dejjem ikun hemm profitti akbar, dan mhux biss jagħmel ħsara lis-soċjetà imma fuq kollox imur kontra d-dinjità tal-bniedem.
Hu f’dan id-dawl li aħna nifhmu l-iżvilupp integrali uman għandu jkabbar l-iżvilupp ekonomiku u l-integrazjoni li jirrikonixxi li kull raġel u mara fuq il-post tax-xogħol għandhom id-dinjità tagħhom u jagħtu kontribut importanti fil-ħajja ekonomika u li l-potenzjal għas-suċċess ekonomiku jinsab fir-riżorsi umani li jkunu trattati b’mod onest u ġust.
L-iżvilupp tal-kapital uman ifisser ukoll li nappoġġjaw atti konkreti li jpoġġu l-ġid tal-persuna fiċ-ċentru tal-isforzi ekonomiċi billi nkabbru l-opportunitajiet ta’ xogħol għaż-żgħażagħ, noffru pagi ġusti lill-ħaddiema, nassiguraw li jkun l-istess ħlas għall-istess xogħol, partikolarment għan-nisa billi nagħrfu l-ħiliet tagħhom.
Mons Urbanczyk qal li fil-kuntest ta’ ekonomija diġitali b’mudelli ġodda ta’ produzzjoni u teknoloġija diġitali aktar avanzati, hu importanti li d-deċiżjonijiet biex jitnaqqsu l-ħaddiema jkunu kkunsidrati bir-reqqa għax deċiżjoni li jitnaqqsu l-ħaddiema biex ikun hemm aktar profitti ma tistax titqies bħala ‘żvilupp’.
L-iżvilupp ekonomiku jeħtieġ responsabbiltà. Jekk ma jkunx hemm governanza tajba, l-attivita ekonomika faċilment issir korrotta. Ir-rwol tas-sidien u tat-tmexxija huma ta’ importanza ċentrali għax huma fil-qalba tas-soċjetà kummerċjali u industrjali moderna.
Minħabba l-kumplessità tal-attività kummerċjali, id-deċiżjonijiet tal-kumpanniji joħolqu effetti kemm fil-qasam ekonomiku kif ukoll f’dak soċjali.
Għalhekk l-eżerċizzju tar-responsabbiltà ta’ min imexxi jitlob riflessjoni kontinwa fuq il-motivazzjoni morali li għandha tiggwida l-għażliet personali ta’ dawk fit-tmexxija, saħaq ir-rappreżentant tas-Santa Sede.