Is-Santa Sede tibqa’ ssostni d-difiża tal-familja

Il-familja hi ċiviliżazzjoni ta' mħabba u nukleu mportanti fis-soċjetà

L-Arċisqof Ivan Jurkovic, rappreżentant tal-Vatikan għan-Nazzjonijiet Uniti uOrganiżazzjonijiet Internazzjonali f’Ġinevra, sejjaħ għall-promozzjoni tal-familja bħala “unità fundamentali u bażika fis-soċjetà” u sostna li d-difiża tal-familja għandha tkun sostnuta għall-ġid tal-komunità dinjija”.

Jurkovic għamel dan l-appell waqt li kien qed jindirizza Konferenza fl-okkażżjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Familji li nżamm il-bieraħ, organizzata mill-Kunsill Mondjali tal-Knejjes.

Huwa qal li “Il-familja, fuq kollox, hi l-ewwel skola li tgħallem kif inkunu umani u fl-istess ħin hi ċ-ċentru u l-qalb ta’ dik li Papa San Pawlu VI sejjaħ ‘iċ-ċivilità tal-imħabba’”.

Il-familja għal ċiviliżazzjoni paċifika

L-Arċisqof esprima tħassib li “llum, ftit qed tingħata attenzjoni għall-importanza u għall-potezjal tal-iskambju bejn il-ġenerazzjonijiet u għall-valuri tal-familja.” L-individwaliżmu donnu qed jirbaħ lill-familja bħala komunità ta’ persuni, u bħala l-unità soċjali”.

Hu asserixxa li “l-familja tibqa’ dejjem iċ-ċellula tas-soċjetà u l-ewwel skola edukattiva”. Madankollu “ir-rwol fundamentali tal-familja għal ċiviltà paċifika” kull ma jmur qed ikun sfidat. Madankollu, il-fatt li l-familji ikomplu jkunu xhieda tal-valuri li jikkostitwixxu l-pedament tal-istituzzjoni familjari, hu bazmu ta’ fraternità vera u awtentika, li tant hawn bżonnha fid-dinja tal-lum, kompla l-Karidnal Jurkovic.

Ir-rabta ġenerazzjonali qed tidgħajjef

Id-Diplomatiku tal-Vatikan sostna li r-realtajiet diffiċli bħalma huma l-kriżijiet ekonomiċi u l-faqar qed jagħmluha diffiċli għall-familji li jżommu r-rabta inter-ġenerazzjonali kif kienu jagħmlu fil-passat. “In-nuqqas ta’ rabta familjari u s-solidarjetà msaħħa mill-altruwiżmu u l-maħfra” jistgħu jwasslu għal sitwazzjonijiet drammatiċi.

Hekk kif ir-rabta tal-familja titkisser “miljuni ta’ tfal u żgħażagħ qed jispiċċaw gwida tajba u meħtieġa u qed  ikunu esposti dejjem aktar għal riskji bħalma huma t-tluq kmieni mill-iskola, ix-xogħol furzat u l-esplojtazzjoni sesswali”.

 Is-Sinodu – Skola tal-umanità

Il-Kardinal Jurkovic qal li s-Sinodu dwar il-Familja li sar fl-2014 u l-2015 enfasizza ċ-ċentralità tal-familja bħala “skola tal-umanità” li hi meħtieġa ħafna llum. Hu qal  li hu fil-familja li l-bniedem jitgħallem jirreżisti, l-imħabba fraterna, il-ferħ tax-xogħol, il-ġenerożita, il-maħfra lill-oħrajn u fuq kollox li joffri ħajtu għas-servizz tal-oħrajn.

Għalhekk hemm bżonn li tissaħħaħ ix-xewqa  għaż-żwieġ biex tkun iffurmata familja biex niskopru mill-ġdid ir-rwol fundamentali tal-familja fis-soċjetà.

Hekk kif, din is-sena in-Nazzjonijiet Uniti se tfakkar il-30 Anniversarju mill-Konvenzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal u l-25 Anniversarju tas-Sena Internazzjonali tal-Familja, l-Arċisqof Jurkovic appella għal kooperazzjoni akbar u azzjoni konċntrata biex tissaħħaħ il-politika u l-programmi favur il-familja.