Is-Santa Sede tappella għal sigurtà u sostenibilità fl-ispazju

I-vetturi spazjali għandhom ikunu ħielsa mill-armamenti

Is-Santa Sede qed titlob li jkun hemm sigurtàu sostenibilità fl-ispazju biex ikun assigurat li dan ikun ħieles minn kull xorta ta’ armamenti. Appellat ukoll biex ikun rinfurzati il-Ftehim dwar id-Disarm fid-dinja.

Dan l-appella sar mill-Arċisqof Bernardito Auza, Rappreżentant permanenti tal-Vatikan fin-Nazzjonijiet Uniti, meta kien qed jitkellem f’laqgħa dwar il-prevenzjoni minn tiġrija għall-armamenti fl-ispazju

Kooperazzjoni fl-ispazju u attivitajiet paċifiċi

Mons Auza rrifera għall-Ftehim tal-1967 dwar l-Ispazju u fakkar lill-pajjiżi li ffirmawh fl-impenn li ħadu li jkunu ggwidati mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni u għajnuna reċiproka u biex l-attività kollha li jagħmlu fl-ispazju, inkluż fuq il-qamar u pjaneti oħra issir fl-interess tal-pajjiżi kollha.

Ir-rappreżentant tas-Santa Sede qal li filwaqt li hu assolutament projbit li jitpoġġew armi nukleari jew armi ta’ distruzzjoni tal-massa fuq vetturi spazjali jew imkien ieħor fl-ispazju, hu wkoll inkonsistenti mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni u assistenza reċiproka f’attività paċifika spazjali li b’xi mod ikunu attakkati satelliti jew ikunu sparati armi mill-ispazju għal fuq id-dinja.

Id-dipendenza dejjem akbar fuq pjattaformi fl-ispazju biex jgħinu fil-qasam tal-komunikazzjoni, navigazzjoni, tfittxija u attivitajiet kummerċjali fid-dinja, juru l-importanza li jkollna sigurtà, effiċjenza u sostenibilità f’dawn il-pjattaformi.

Għalhekk, attakki, interċetazzjoni u tbagħbis fit-tħaddim sewwa ta’ dawn il-pjattaformi spazjali, għandu jkun projbit.  L-Arċisqof Auza kkundanna wkoll l-attività militari li toħloq skart u tifrik fl-atmosfera li jhedded oġġetti spazjali oħra.

Ftit progress fis-sigurtà spazjali

Id-diplomatiku tal-Vatikan lmenta li sar ftit progress fejn tidħol is-sigurtà u l-istabilità spazjali u appella biex jingħleb l-ostaklu fejn tidħol il-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Disarm.

Hu nnota li fil-kuntest tal-Konferenza dwar id-Disarm, m’huma jsiru ebda negozjati dwar l-ispazju u għalhekk appella lill-istati membri biex jerġa’ jibda il-proċess tan-negozjati. Fakkar li fl-aġenda tal-Konferenza hemm it-tema tal-prevenzjoni tal-kompetizzjoni tal-armi fl-ispazju.

L-Arċisqof Auza enfasizza l-importanza li jkun hemm platforms internazzjonali biex jimmonitorjaw l-attività fl-ispazju u fid-dinja u qal li żvilupp bħal dan jgħin fis-sigurtà u s-sostenibilità spazjali.  Dfan jgħin ukoll biex ikollna spazju ħieles mill-armamenti ta’ kull xorta u jassigura l-vjabilità tal-Ftehim dwar id-Disarm.