Is-Santa Sede tappella biex ikompli d-djalogu bejn Iżrael u l-Palestinjani

Is-Santa Sede tenniet l-appell tagħha lill-awtoritajiet ta’ Iżrael u l-Palestina biex ikomplu d-djalogu biex ikun hemm paċi fir-reġjun u jwieġbu għall-aspirazzjonijiet leġittimi taż-żewġ popli li jkunu jistgħu jgħixu flimkien fil-paċi bħala żewġ stati indipendenti.

L-Aġenzija tal-aħbarijiet “Vatican News” irrappurtat partijiet mid-diskors li l-Arċisqof Bernardito Auza, rappreżentant permanenti tal-Vatikan għan-Nazzjonijiet Uniti, għamel waqt dibattitu dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani u l-kwistjoni tal-Palestinjani, fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

Ir-rappreżentant tal-Knisja Kattolika lmenta li l-“paċi fraġli” li hemm fir-reġjun hi kontinwament mhedda bi kliem li jagħmel il-ħsara, provokazzjonijiet, attakki, ksur tad-drittijiet umani u azzjonijiet unilaterali li jfixklu sforzi lejn ftehim u jġibu tbatija u mwiet lil ċittadini innoċenti u mingħajr difiża.

L-Arċisqof Auza għamel appell imqanqal kemm lill-awtoritajiet Iżraeljani kif ukoll lil dawk Palestinjani biex “jerġgħu jidħlu fi djalogu u jibdew vjaġġ ta’ paċi li jwassal għat-tmiem tal-kunflitt li fena din l-art għal dawn l-aħħar 70 sena u aktar.

Hu qal li dan ir-reġjun mhux biss hu d-dar ta’ żewġ popli imma għandu importanza storika u kulturali kbira għad-dinja kollha u d-dar spiritwali ta’ tliet reliġjonijiet monoteistiċi li huma l-Ġudaiżmu, il-Kattoliċiżmu u l-Iżlam.

Il-Vatican News irrapporta li d-diplomatiku tas-Santa Sede qal lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li hemm bżonn li l-politiċi jużaw l-awtorità tagħhom b’mod responsabbli u jegħlbu t-tilwim billi jibdew djalogu miftuħ u onest biex jassiguraw paċi sinċiera u dejjiema u mhux sempliċiment paċi taparsi li essenzjalment hi “bilanċ bejn il-poter u l-biża’.”

L-Arċisqof ġibed ukoll l-attenzjoni għas-sitwazzjoni umanitarja f’Gaża u territorji okkupati oħra kif ukoll in-nuqqas ta’ fondi li għandha l-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti li taħdem mar-refuġjati Palestinjani fil-Lvant (UNRWA).

Hu qal li l-għajnuna lil dawk fil-bżonn għandha tiġi qabel kunsiderazzjonijiet politiċi u l-għajnuna lir-refuġjati Palestinjani trid tkompli bla xkiel sakemm jibqa’ ma jkunx hemm soluzzjoni.