Is-Santa Sede ssaħħaħ l-Awtorità Kontra l-Korruzzjoni

Il-Vatikan isaħħaħ il-ġlieda kontra l-korruzzjoni

Il-Papa Franġisku għadu kif introduċa statuti ġodda għall-Uffiċċju tal-Awdiitur Ġenrali tal-Vatikan u eleva l-istatus ta’ dan l-Uffiċċju għal Awtorità Kontra l-Korruzzjoni.

Fl-2015 Papa Franġisku kien ħoloq Il-Kunsill Ekonomiku tal-Vatikan bi statut apposta. B’digriet maħruġ bl-awtorità tiegħu (motu proprio) il-Papa kien stabilixxa Aġenzija li tikkoordina l-affarijiet ekonomiċi u amministrattivi tas-Santa Sede u tal-Istat tal-Vatikan.

Kien ħalaq ukoll l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali bl-inkarigu li “jivverifika l-baġits annwali individawli tat-Dipartimenti kollha tal-Kurja Rumana, l-istituzzjonijiet konnessi tas-Santa Sede u l-Amministrazzjoni tal-belt tal-Vatikan.

Rapport ta’ Vatican News jgħid li issa, bl-istatut il-ġdid pubblikat ftit jiem ilu, l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali beda jissejjaħ Awtorità Kontra l-Korruzzjoni, skont id-definizzjoni tal-Konvenzjoni Merida li s-Santa Sede u l-Istat tal-Vatikan kienu ffirmaw f’Ottubru 2016.  Il-Konvenzjoni Merida hi Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni li kienet adottata fl-2003.

Poteri akbar lill-Awditur

L-Istatut il-ġdid li l-Papa Franġisku ffirma tliet ġimgħat ilu se jidħol fis-seħħ fis-16 ta’ dan ix-xahar u se jsaħħaħ il-funzjoni tal-Awditur Ġenerali li bħalissa hi okkupata minn Dr. Alessandro Cassinis Righini.

Filwaqt li l-istatut l-antik tal-2015 kien jistipula li l-“Awditur jista’ jitlob lill-entitatjiet tal-Vatikan kull informazzjoni u dokumentazzjoni ta’ natura finanzjarja jew amministrattiva”, l-istatut il-ġdid issa qed jagħti awtorità sħiħa lill-Awditur biex jaċċessa “informazzjoni u dokumentazzjoni  ta’ natura ekonomika u amministrattiva meħtieġa biex ikun jista’ jagħmel il-verifiki meħtieġa”.  L-istess Uffiċċju issa jista’ jagħmel ukoll “kull tip ieħor ta’ awditjar li jidhirlu li tkun xierqa fiċ-ċirkostanzi”.

Wara li jagħmel il-verifiki tiegħu l-Awditur għandu jinforma lill-Kunsill Ekonomiku, lill-FIAU u jirrapporta lill-awtoritajiet ġudizzjarji kommpetenti tal-Istat tal-Vatikan, kull informazzjoni dwar offiżi li jsib fil-qadi ta’ dmirijietu.