Is-Santa Sede kontra li tingħata esklussività fuq forom ta’ ħajja

“Aħna naqblu li ebda forma ta’ ħajja, inkluż il-ħajja umana, m'għandha tkun brevettata u xi ħadd ikollu esklussività fuqha u minnha jagħmel xi profitt”. 
Din id-dikjarazzjoni għamilha l-Arċisqof Ivan Jurkovic, ir-Rappreżentant Permanenti tal-Vatikan għall-orġanizzazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Magħquda f’Ġinevra.
L-Arċisqof Jurkovic kien qed jindirizza l-Kumitat Intergovernattiv tal-WIPO fuq il-Proprjetà Intellettwali u r-Riżorsi Ġenetiċi li kien qed jiltaqa’ f’Ginevra l-ġimgħa li għaddiet.
Huwa qal li filwaqt li hu minnu li “l-brevettar (patenting) ta’ forom tal-ħajja kultant jista’ jintuża’ bħala għodda b’appoġġ għall-bijoteknoloġija, id-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar l-Ikklunar Uman tagħraf li jista’ jkun hemm tħassib etiku li ċerti applikazzjonijiet tax-xjenzi tal-ħajja jistgħu jqajmu fejn tidħol id-dinjità umana, id-drittijiet umani u l-libertajiet fundamentali tal-individwi”.
Artiklu 4  tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani, fir-rigward tal-ħajja umana jgħid li “id-DNA uman (human genome) fl-istat naturali tiegħu m'għandux iservi biex isir qliegħ finanzjarju minnu” fil-waqt li l-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u d-Dinjità tal-Bniedem fejn tidħol l-applikazzjoni tal-Bijoloġija u l-Mediċina tgħid li “Il-ġisem uman u partijiet minnu m'għandhomx iwasslu għal qliegħ finanzjarju”.
Bl-istess mod, Id-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar  l-Ikklunar Uman tinsisti li l-pajjiżi għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jipproteġu b’mod adegwat il-ħajja umana fl-applikazzjoni tax-xjenzi tal-ħajja.
“Għalhekk ebda ftehim jew regoli fuq livell internazzjonali, reġjonali jew bilaterali m'għandhom ixekklu l-ħila ta’ kull pajjiż biex jagħmlu dak kollu li għandu x’jaqsam mal-ħajja u d-dinjità umana.
Ir-rappreżentant tas-Santa Sede żied jgħid li s-sempliċi produzzjoni, distribuzzjoni u kontroll kummerċjali ta’ forom ġodda ta’ ħajja tista’ taffettwa wkoll kemm is-sigurtà tal-ikel kif ukoll il-prospetti ta’ avvanz ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw jew dawk anqas żviluppati.  Għalhekk, l-interessi monopolistiċi privati m'għandhomx jitħallew jimponu ruħhom fuq dawk ir-riżorzi bijoloġiċi li minnhom nieħdu l-ħtiġijiet mediċi u l-ikel meħtieġa għall-ħajja umana.
Għalhekk it-tħaddim tar-Riżorsi tal-Proprjetà Intelletwali ma jistgħux jinjoraw it-tħassib ekonomiku, ambjentali u etiku dwar l-ibbrevettar tal-ħajja, għax dan iħalli impatt negattiv fuq id-drittijiet tal-konsumatur, il-konservazzjoni tal-bijodiversità, il-protezzjoni tal-ambjent, id-drittijiet tal-popli indiġeni, il-libertà xjentifika u akkademika u finalment tolqot ħażin ukoll l-iżvilupp ekonomiku ta’ ħafna pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw li jiddependu minn teknoloġiji ġodda.
F’dan id-dawl, is-Santa Sede tappoġġja l-fehma li m'għandu jkun hemm ebda brevettar fuq forom ta’ ħajja, inkluż il-persuni umani, biex ħadd ma jkollu esklussività fuq il-ħajja umana.