Is-salvazzjoni ma tinxtarax għax hi rigal

Il-Papa Franġisku jiltaqa' ma' membri tal-pubbliku qabel l-udjenza ġenerali ta' nhar l-Erbgħa.

F’dawn il-jiem, wara li temm il-katakeżi li kien qed jagħmel dwar it-talba tal-Missierna fl-udjenzi ta’ nhar t’Erbgħa,  il-Papa Franġisku qed jitkellem dwar tema oħra – l-Atti tal-Appostli –  u qal lil dawk preżenti li f’dan il-każ il-protagonisti huma “il-Kelma u l-Ispirtu”.

Il-Papa spjega li l-Ktieb tal-Atti tal-Appostli jitkellem dwar ix-xandir tal-Aħbar it-Tajba u jurina r-rabta sabiħa bejn il-proklamazzjoni tal-Evanġelju u l-Ispirtu s-Santu li jagħti s-saħħa lil min jagħti xhieda tal-fidi. Qal li “l-protagonisti tal-Atti huma koppja ħajja u effettiva: il-Kelma u l-Ispirtu.

Il-Kelma t’Alla, qal Papa Franġisku “hi dinamika u ssaqqi l-art kulfejn taqa’”. Sostna li s-saħħa tal-Kelma t’Alla, skont San Luqa, m’hix retorika imma hi l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

Ir-Rigal tas-Salvazzjoni

Il-Papa nnota li r-rigal  tal-Ispirtu jingħata b’xejn; mhux għax ikun jimmeritak jew taħdem għaliha. Alla nnifsu “jagħti kollox b’xejn. Is-Salvazzjoni ma tinxtarax jew tħallas għaliha: hi rigal li jingħata b’xejn.”

Huwa enfasizza kif Kristu Rxoxt jistedinna biex nistennew it-twettieq tal-wegħda tal-Missier li hi “Intom tkunu mgħammda bl-Ispirtu s-Santu”.

Waqt li kienu qed jistennew dan ir-rigal, l-Appostli flimkien mal-Madonna kienu fil-kamra ta’ fuq bħala membri tal-familja tal-Mulej.

Talb u Perseveranza

Papa Franġisku qal li l-Appostli stennew it-twettieq ta’ din il-wegħda “jitolbu b’perseveranza”. Huwa qal li permezz tat-talb nirbħu t-tentazzjoni, is-solitudni u s-suspetti u qalbna tinfetaħ għall-għaqda bejnietna u mal-oħrajn.

Fi tmiem l-udjenza l-Papa fakkar li l-Ħadd li għadda l-Knisja ċċelebrat it-Tlugħ fis-Sema ta’ Ġesù u qal li kif Ġesù ql lill-Appostli, qed jgħid lilna llum. Ma nħallikomx orfni, nerġa’ niġi għandkom”.

Hu temm jgħid “Jekk tkunu ħbieb ma’ Alla, Hu jġiegħlkom tħossu l-preżenza Tiegħu f’ħajjitkom u qatt ma tħossukom weħidkom jew abbandunati.’