Is-Salvation Army hi sinjal evidenti u kredibbli ta’ mħabba evanġelika

Il-Papa Franġisku u l-Ġeneral Brian Peddle - © Vatican Media

Il-Papa Franġisku l-ġimgħa li għaddiet, laqa’ lill-membri tas-Salvation Army li kienet twaqqfet fl-1855 minn William Booth biex tevanġelizza permezz tas-servizz li tagħti. Din hi organiżazzjoni militari tal-Knsija Protestanta.

 Fost il-membri li ltaqgħu mal-Papa kien hemm il-Ġeneral Brian Peddle, li hu l-21 Kap tas-Salvation Army li hi mifruxa ma’ 131 pajjiż madwar id-dinja.

Il-Papa faħħar l-ispirtu evanġeliku tas-Salvation Army u qal lill-membri tagħha li kien ta’ pjaċir għalih li jġedded l-apprezzament tiegħu għax-xiehda li jagħtu bis-servizz tagħhom lill-foqra.

“Dan jagħmilkom sinjal evidenti u kredibbli tal-imħabba evanġelika, b’ubbidjenza għall-kmandament tal-Mulej: ‘Ħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien. B’dan kulħadd jagħraf li intom dixxipli tiegħi”.

L-ewwel lezzjoni

“Kif għidt diversi drabi, kien meta ltqajt ma’ membri tas-Salvatin Army, li ħafna snin ilu, ħadt mingħand nannti, l-ewwel lezzjoni fl-ekumeniżmu – kien għad għandi 4 snin. L-eżempju tagħhom ta’ servizz umli lill-iżgħar fost ħutna, jitkellem aktar mill-kliem.

“Niftakar meta ħames snin ilu ltqajt mal-Ġeneral ta’ dakinhar meta kien qalli: ‘l qdusija m’għandhiex fruntieri”. Il-qdusija li tintwera f’azzjonijiet konkreti tajba, ta’ solidarjetà u fejqan, tkellem lill-qalb u tixhed l-awtentiċità tad-dixxipulat tagħna. Fuq din il-bażi, Kattoliċi u membri tas-Salvation Army jista’ jgħinu lil xulxin u jikkooperaw fi spirtu ta’ rispett reċiproku u qdusija.

Imħabba ġeneruża

“Din ix-xiehda komuni hi bħal ħmira tal-parabbola ta’ Ġesù, fejn dik il-mara ħadet u ħalltet mad-dqieq sakemm il-ħmira bdiet togħla. L-imħabba ġeneruża li li tispirakom għas-servizz lil dawk fil-bżonn, mhux biss hi ħmira, imma hi wkoll ir-riħa ta’ ħobż frisk.  Tattira u tikkonvinċi. Iż-żgħażagħ, b’mod partikolari għandhom bżonn ixommu  din il-fwieża għax f’ħafna każi hi nieqsa mill-esperjenza tagħhom ta’ kuljum.

“F’dinja fejn l-egiżmu u l-firda huma kbar, il-fwieħa nobbli tal-għotja ġenwina ta’ mħabba, toffri l-antidotu li tant hemm bżonn u tiftaħ l-imħuħ u l-qlub u titraxxendi t-tifsira tal-eżistenza tagħna.

“Bħala Isqof ta’ Ruma, ta’ din id-djoċesi, nixtieq nirringrazzja lis-Salvation Army għal kull ma tagħmlu f’din il-belt b’risq dawk li huma bla dar jew emarġinati, li minnhom f’Ruma għandna ħafna. Naf ukoll bl-involviment tagħkom fil-ġlieda kontra t-traffikar uman u forom ġodda ta’ skjavitù. Alla jbierek l-isforzi u l-ħidma tagħkom”.